Studju xjentifiku jgħid li l-mewġ tas-sħana li għaddejjin minn fuq l-Ewropa u l-Istati Uniti dan ix-xahar, kienu jkunu kważi “impossibbli” mingħajr it-tibdil fil-klima kkawżat mill-bniedem.
L-istess studju jgħid li t-tisħin globali mill-ħruq tal-fjuwils fossili, żied il-probabbilità tal-mewġa tas-sħana f’partijiet miċ-Ċina b’ħamsin darba, filwaqt li t-tibdil fil-klima fisser li l-mewġa tas-sħana fin-naħa t’isfel tal-Ewropa tkun żewġ gradi u nofs celcius aktar sħuna.
L-esperti qed iwissu li kważi l-ebda soċjetà mhi preparata għal dik li sejħulha, bħala “sħana estrema fatali”.
L-awturi tal-istudju jisħqu fuq l-importanza li d-dinja tadatta għal temperaturi ogħla, għaliex m’għadhomx xi ħaġa rari.
Fil-fatt issuġġerew li l-pajjiżi jridu jibnu djar li kapaċi jirreżistu s-sħana, joħolqu “ċentri kesħin” fejn in-nies jistgħu jsibu xelter, u jsibu mezzi kif ikessħu l-madwar, fosthom billi jitħawlu aktar siġar.
Dan ix-xahar, it-temperaturi laħħqu livelli rekord f’partijiet fiċ-Ċina, fin-naħa t’isfel tal-Istati Uniti u fi Spanja.
Miljuni ta’ nies qattgħu ġranet ikkundizzjonati bi twissijiet ħomor minħabba sħana estrema.
L-esperti jgħidu li sħana estrema hija theddida serja għall-ħajja, speċjalment għall-anzjani.
Skont studju riċenti, aktar minn wieħed u sittin elf persuna mietu minħabba s-sħana tul il-mewġ tas-sħana tas-sena l-oħra fl-Ewropa.