Il-midja Taljana u dik internazzjonali rrappurtat bi prominenza l-konferenza internazzjonali dwar l-iżvilupp u l-immigrazzjoni, li saret f’Ruma, matul il-jum tal-Ħadd, li preżenti għaliha kien hemm il-Prim Ministru Malti, Robert Abela.
Din il-konferenza, li preżenti għaliha kien hemm rappreżentanti ta’ għaqdiet internazzjonali u mexxejja tal-istituzzjonijiet Ewropej, fejn preżenti kien hemm il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen u l-President tal-Kunsill Ewropew, Charles Michel.
Is-sit tal-aħbarijiet ANSA rrapporta kif il-Prim Ministru Taljan Giorgia Meloni qalet li din il-konferenza se twassal għal djalogu bejn numru ta’ pajjiżi fl-Unjoni Ewropea, fl-Afrika u fil-Golf Għarbi, li tkun ibbażata fuq rispett.
Irrappurtat wkoll dwar din il-konferenza fl-Italja, is-sit RAI.
Anki siti internazzjonali rrappurtaw dwar din il-konferenza, bis-sit Euractiv qal li nbniet alleanza biex tindirizza l-isfida tal-migrazzjoni.
Intqal li dan l-alleanza hija kommessali se tiġġieled it-traffikar tal-bnedmin, waqt li tiżdied il-koperazzjoni f’temi bħall-enerġija rinnovabbli biex tkun miġġielda t-tibdil fil-klima u biex tgħin iċ-ċittadini ta’ nazzjonijiet fqar.
Is-sit awtorevoli Euronews irrapporta li f’Ruma kien hemm preżenti rappreżentanti minn għoxrin nazzjon u uffiċċjali minn organizazzjonijiet internazzjonali biex jiddiskutu l-isfida tal-migrazzjoni.
L-għada li saret din il-konferenza, ONE News tkellem mad-deputata Laburista, Cressida Galea, li akkumpanjat lill-Prim Ministru Robert Abela. Hija sostniet li l-messaġġ ta’ Malta huwa dak li ilu jtenni l-Prim Ministru.
F’kummenti mal-midja, wara din il-konferenza, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq favur ħidma bejn pajjiżi ta’ oriġini, ta’ tranżitu u dawk li huma d-destinazzjoni fl-immigrazzjoni. Dan biex il-pajjiżi bejniethom ikunu f’punt fejn bi żviluppi ekonomiċi sostenibbli, il-kwistjoni tal-immigrazzjoni tkun amministrata aħjar.