Fil-Berġa ta’ Kastilja, il-Prim Ministru Robert Abela laqa’ liċ-Chairman tal-Kumitat ta’ Esperti Dwar il-Midja, l-Imħallef Emeritu Michael Mallia, fejn irċieva mingħandu kopja tar-rapport li ħejja l-Kumitat ta’ Esperti b’rabta ma’ konsultazzjoni ulterjuri li saret dwar l-Abbozzi ta’ liġi li jittrattaw it-tisħiħ tal-protezzjoni u l-libertà tal-midja.
Dan tħabbar fi stqarrija mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru hekk kif ġie spjegat li dawn l-Abbozzi jinsabu fl-istadju tal-ewwel qari fil-Parlament, pendenti l-estensjoni tal-konsultazzjoni mitluba minn rappreżentanti tal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin l-IĠM.
Il-Prim Ministru tenna li l-Gvern hu determinat li jkompli b’riformi leġislattivi li jagħtu protezzjoni għolja lill-ġurnaliżmu.
Fost ir-riformi hemm il-liġi tal-Anti-Slapp, protezzjoni lill-ġurnalist li ma jiġix maħnuq minn azzjonijiet legali li jirriżultaw f’ipparalizzar abbużiv.
Preżenti għall-preżentazzjoni tar-rapport kien hemm ukoll il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard.