B’ħidma kontinwa għal din l-aħħar ġimgħa, timijiet tekniċi tal-Enemalta sewwew 45 ħsara li żviluppaw fuq is-sistema ta’ distribuzzjoni ta’ vultaġġ għoli, ikkawżati mill-mewġa li laqtet lil pajjiżna l-ġimgħa l-oħra.
Dan ħareġ fi stqarrija mill-kumpanija hekk kif intqal li ġew imsewwija 45 minn 64 ħsara f’cables ta’ vultaġġ għoli, u t-tiswijiet komplew matul il-jum tat-Tnejn.
Intqal li mal-10,000 siegħa ta’ xogħol ġew iddedikati għal proċessi dedikati ta’ tiswijiet ta’ cables.
Dan filwaqt li l-Ħadd filgħaxija, it-timijiet assistew ukoll biex jagħtu l-provvista tal-elettriku lura lill-konsumaturi affettwati mill-aktar fis, hekk kif żviluppaw ħames ħsarat oħra fin-network ta’ vultaġġ għoli f’żoni differenti madwar Malta.
L-Enemalta qalet li fil-maġġoranza ta’ dawn il-każijiet, il-provvista tal-elettriku setgħet tingħata lura minn rotot alternattivi, bil-maġġoranza taż-żoni affettwati jieħdu l-provvista lura f’temp ta’ inqas minn tliet sigħat.
F’parti minn Ħad-Dingli, il-provvista ma setgħetx tingħata lura qabel ma tlestew it-tiswijiet neċessarji fuq ħsarat li nqalgħu matul il-lejl. F’partijiet miż-Żejtun, fejn kien possibbli, il-provvista ngħatat lura minn standby power generating system. Il-provvista tal-elettriku lil parti lokalizzata minn din l-istess lokalita se tingħata lura hekk kif jitlestew it-tiswijiet neċessarji.
F’wieħed mill-każijiet ta’ ħsarat li żviluppaw tul il-lejl tal-Ħadd, ħareġ duħħan minn ħsara li żviluppat. Is-sistema ta’ protezzjoni tal-cable immedjatament iżolat il-parti tal-cable li sofra ħsara, biex jiġi evitat li ssir iktar ħsara lis-substation. L-ebda tagħmir ieħor apparti mill-cable termination ma ġratilha ħsara waqt l-inċident. Ħaddiema tal-Enemalta waslu fuq il-post f’temp ta’ 15-il minuta mill-inċident, flimkien ma’ ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili.
Hekk kif ġiet identifikata l-ħsara, is-substations konnessi mal-istess ċirkwit li setgħu jinxtegħlu, b’mod sigur, inxtegħlu. B’mod immedjat, inbdew ix-xogħlijiet ta’ tiswija fuq it-termination, u l-provvista tal-elettriku ngħatat lura fiż-żoni l-oħrajn affettwati fl-istess lejl.
Tekniċi oħrajn għaddejjin b’ħidma kontinwa biex jindirizzaw diffikultajiet li jirrappurtaw konsumaturi fuq is-sistema ta’ valtaġġ baxx, li twassal il-provvista tal-elettriku mis-substation sal-konsumaturi. Dawn il-ħsarat jolqtu żoni lokalizzati, bħal konsumaturi individwali, binjiet u toroq.