Studju ekonomiku dwar il-proġett ta’ spazju miftuħ, li se jibda jiġi żviluppat fir-Rabat, Għawdex, ikkonkluda li l-impatt finali tiegħu fuq l-ekonomija tal-gżira u tal-pajjiż inġenerali mistenni jilħaq ħames darbiet aktar mill-investiment kollu li se jsir.
Il-gazzetta KullĦadd irrappurtat li l-Awtorità għall-Iżvilupp Reġjonali ta’ Għawdex ippubblikat studju, li juri li fil-fażi ta’ żvilupp sal-2030, il-proġett mistenni jtejjeb il-Prodott Gross Domestiku Għawdxi b’madwar €13-il miljun kull sena, li jfisser titjib ta’ 2% fir-rata ta’ tkabbir tal-griża.
Meta tintemm il-kostruzzjoni, il-GRDA qed tistma li l-proġett xorta se jħalli impatt permanenti ta’ madwar 1.2% fuq il-ġid nazzjonali Għawdxi. Dan il-proġett mistenni jħalli effetti pożittivi fl-attività kummerċjali u dik soċjali f’Għawdex. Dan mistenni jżid l-impiegi b’madwar 225 persuna.
Dan il-proġett se jiswa €35 miljun u l-istudju tal-GRDA qed jimplika li dan il-proġett se jkabbar il-ġid nazzjonali b’madwar €170 miljun sal-2040.
Il-proġett ta’ spazju aħdar se jkun mifrux fuq medda ta’ aktar minn 28,000 metru kwadru, waqt li se joħloq 880 spazju ta’ parkeġġ taħt l-art biex itaffi l-problema li teżisti fil-qalb ta’ din il-gżira.
F’Ġunju li għadda, il-GRDA nediet proċess ta’ konsultazzjoni pubblika. B’dan il-proċess se jibqa’ miftuħ sal-ewwel ta’ Settembru.