‘EU Funds and Me’ huwa l-isem ta’ inizjattiva fost diversi, intiżi biex jgħarrfu lill-pubbliku dwar il-benefiċċji ta’ proġetti li jkunu saru f’pajjiżna permezz ta’ Fondi Ewropej.
Dan qiegħed isir propju fid-dawl li l-fondi mill-pakkett 2014-2020 wasal fi tmiemu u b’hekk l-entità Servizzi Ewropej f’Malta, SEM, embarkat fuq dawn il-kampanji.
F’din l-inizjattiva, ipparteċipaw tfal li jattendu Skolasajf minn 35 ċentru differenti madwar Malta u Għawdex. F’dawn iċ-ċentri qed jintuża materjal interattiv u logħob li jinkoraġġixxu lit-tfal biex jitgħallmu aktar dwar l-Unjoni Ewropea u kif il-fondi Ewropej intużaw f’diversi proġetti f’pajjiżna.
Dan filwaqt li tnediet kompetizzjoni fotografika mal-Malta Photographic Society għall-istess għan kif tispjega l-Kap Eżekuttiv ta’ Servizzi Ewropej f’Malta, Denise Fiorentino.
Denise Fiorentino qalet “Fil-perjodu ta’ bejn l-ewwel t’Awwissu u l-aħħar t’Awwissu qed nistiednu fotografi sabiex jissottomettu ritratti li juru xeni jew proġetti fejn l-Unjoni Ewropea tagħti l-kontribut tagħha sabiex il-kwalità ta’ ħajja tagħna l-Maltin u l-Għawdxin tjiebet tul dawn l-aħħar snin.”
It-tema ta’ din il-kompetizzjoni hija, ‘Il-Fondi Ewropej għal Kwalità ta’ Ħajja Aħjar’ u l-fotografi li jipparteċipaw fil-kompetizzjoni huma mitluba jagħżlu proġetti kofinanzjati mill-Unjoni Ewropea. Is-sottomissjonijiet jintlaqgħu fuq is-sit tal-Malta Photographic Society.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Chris Bonnett tkellem dwar l-importanza li l-pajjiż kollu jkun jaf xi proġetti ttellgħu permezz ta’ dawn il-Fondi.
Chris Bonnett qal “Wasal iż-żmien naħseb li nuru lil Malta u lil Għawdex kif inbidel dan il-pajjiż permezz tal-Fondi Ewropej fl-aħħar seba’ snin u kif se nkunu qegħdin naqbdu dawk il-proġetti li saru bihom noħolqu bridge għal dak illi ġej ‘il quddiem bil-Fondi l-ġodda. Eventwalment ħa jkun hemm din il-kompetizzjoni li se ssir esebizzjoni biha ħa ngawdu kollha kemm aħna flimkien il-frott ta’ dak illi sar propju bil-Fondi f’dawn is-snin li għaddew kif Malta nbidlet u nbidlet għall-aħjar.”