ONE News jinsab infurmat li żewg kumpaniji tal-avjazzjoni applikaw biex jiksbu ċ-ċertifikazzjoni u l-liċenzji neċessarji biex joperaw b’mod kummerċjali titjiriet b’ajruplani tal-baħar f’pajjiżna.
Dan jidħol fil-qafas tal-politika l-ġdida nazzjonali dwar l-avjazzjoni u jista’ jservi bħala katalist biex jingħata nifs ġdid lil dan is-settur, li, skont esperti, joffri potenzjal qawwi ekonomiku u turistiku, kif ukoll fil-qasam tal-impjiegi.
Jirriżulta li l-investimenti potenzjali b’ajruplani amfibji, li kapaċi jinżlu kemm fil-baħar kif ukoll fuq l-art, żviluppaw wara l-konferenza internazzjonali dwar l-avjazzjoni li nżammet f’pajjiżna f’Mejju li għadda. Il-konferenza msejħa MAviO hi l-akbar waħda dwar is-settur li tiġi organizzata fi gżiritna u ġġib flimkien firxa wiesgħa ta’ esperti involuti fl-industrija.
Organizzata fuq bażi volontarja minn bord, immexxi mill-Kap Eżekuttiv Marvic Bugeja u Riccardo Flask, bħala Deputat Kap Eżekuttiv, din is-sena l-konferenza ttrattat speċifikament it-tnedija tal-Politika dwar l-Avjazzjoni Ċivili 2023-2030.
Dan id-dokument kien varat mill-Ministru responsabbli mit-Trasport, Aaron Farrugia, lura f’Marzu li għadda, fejn fost l-oħrajn jissemmew oqsma ġodda li pajjiżna jista’ jinvesti u jimraħ fihom.
Dwar l-interess ġdid fl-avjazzjoni marittimu f’pajjiżna, il-konferenza MAviO ħadet l-okkażjoni biex tistieden lill-Kap Eżekuttiv ta’ ATOL Aviation, il-Kaptan Anssi Rekula.
Il-kumpanija timmanifattura l-ajruplan amfibju ATOL Aurora, li jġorr żewġ persuni, u f’Malta ħadet l-okkażjoni biex tniedi verżjoni ġdida tal-ajruplan li ma tniġġisx, peress li taħdem bl-elettriku minflok bil-fuel konvenzjonali.
Dan l-ajruplan kapaċi anke jirmiġġa fi kwalunkwe marina, minħabba li jista’ jagħlaq il-gwienaħ tiegħu u b’hekk jagħmlu versatili u faċli biex jimmanuvra fi spazji dojoq. Sadanittant, il-kumpanija qed tiżviluppa ajruplani oħrajn tal-elettriku, li jkunu kapaċi jġorru aktar passiġġieri.
Malta għandha rabta storika ma’ ajruplani tal-baħar fejn kienu joperaw regolarment fi żmien il-ħakma Britannika fil-Lbiċ tal-pajjiż, waqt li fil-Mistra għadha teżisti wkoll rampa, li kienet tintuża għal dan il-għan għexieren ta’ snin ilu.
Ftit ta’ snin ilu f’pajjiżna wkoll kien tnieda servizz għal perjodu ta’ qasir ta’ żmien bejn il-Port il-Kbir u l-Port tal-Imġarr Għawdex.
Issa jingħad li Kalafrana, fil-limiti ta’ Birżebbuġa, jista’ potenzjalment ikun bażi ewlenija għal operazzjonijiet simili.
ONE News tkellem mad-Deputat Kap Eżekuttiv tal-MAviO Riccardo Flask, li spjegalna l-benefiċċji li dawn l-ajruplani joffru, fosthom titjiriet speċjalizzati madwar il-gżejjer Maltin, filwaqt li joħolqu l-impjiegi minn bdoti u inġinieri sa segretarji u gwidi.
Riccardo Flask qal “Hawn Malta jistgħu jintużaw għat-turiżmu, ġie t-turist, forsi niżel minn fuq il-cruise liner, forsi qiegħed hawn Malta u jrid jmur dawra madwar il-gżejjer Maltin. Jista’ jaqbad dan l-ajruplan u jdur dawra mal-Gżejjer Maltin”.
Waqt il-konferenza f’pajjiżna f’Mejju saret wkoll preżentazzjoni mill-Perit Daniel Portelli dwar kif pajjiżna jibbenefika bil-kbir jekk tinbena faċilità għal ajruplani tal-baħar.
Minbarra li hu perit, Daniel qed jitħarreġ ukoll biex isir bdot. Hu qalilna kif madwar l-Ewropa hemm diversi pajjiżi li qegħdin jinvestu f’din l-industrija hekk kif saħansitra xi pajjiżi bbenefikaw minn fondi Ewropej.
Il-Perit Daniel Portalli qal “Pajjiżi bħall-Greċja, l-Italja anke l-Montonegro qegħdin jagħmlu passi ta’ ġgant f’din l-industrija”.