Ħames persuni, erba’ rġiel u mara, ingħataw il-ħelsien mill-arrest fuq diversi kundizzjonijiet wara li tressqu l-Qorti, il-Ħadd filgħaxija, akkużati bil-qtil involutarju taż-żagħżugħ Jean Paul Sofia.
L-akkużati huma Matthew Joseph Schembri ta’ 38 sena minn Birkirkara, Kurt Buhagiar ta’ 37 sena minn Naxxar, il-Perit Adriana Zammit ta’ 36 sena minn Ħaż-Żabbar, Milomir Jovicevic ta’ 39 sena u martu Dijana ta’ 39 sena, it-tnejn jgħixu l-Imsida wieġbu mhux ħajta għall-akkużi miġjuba kontrihom.
Dawn il-ħames persuni ġew arrestati l-Ġimgħa filgħaxija, ftit sigħat wara li tħabbar li ngħalqet l-inkjesta Maġisterjali dwar dan il-każ.
F’Awla numru 22, il-ħames persuni kienu akkużati wkoll li kkawżaw grieħi lill-ħamest irġiel waqt li kienu qegħdin jaħdmu f’din il-binja. Il-każ imur lura għat-3 ta’ Diċembru li għadda, meta ġġarfet binja fil-Qasam Industrijali ta’ Kordin.
Matthew Joseph Schembri, wieħed mill-iżviluppaturi ta’ din il-binja, ġie mixli wkoll li ffalsifika firma fuq l-avvż tal-bidu tal-proġett. Dan id-dokument irid jiġi ppreżentat lill-awtoritajiet qabel ma jkunu jistgħu jibdew ix-xogħlijiet.
Il-Perit Zammit ġiet mixlija wkoll li naqset milli twettaq xogħlijiet skont l-istandards, waqt li Schembri, Buhagiar u l-koppja Jovicevic kienu mixlija wkoll b’diversi ksur tar-regoli tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol.
Id-Difiża talbet il-ħelsien mill-arrest tal-akkużati, hekk kif intqal li x-xhieda diġà taw ix-xhieda tagħhom fl-inkjesta li ngħalqet mill-Maġistrat Marseanne Farrugia.
Min-naħa tagħha, il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispetturi Paul Camilleri u Antonello Magri, oġġezzjonat din it-talba, fejn intqal dwar il-gravita tal-akkużi li jlaħħqu sa massimu ta’ għaxar snin ħabs. Stqarr li għad hemm nies li rrifjutaw milli jixhdu fl-inkjesta Maġisterjali.
Il-Maġistrat tat il-ħelsien mill-arrest fuq diversi kundizzjonijiet lill-ħames akkużati hekk kif ix-xhieda diġà nstemgħet waqt l-inkjesta Maġisterjali u l-akkużati ma ħarbux mill-pajjiż.
L-erba’ akkużati ngħataw il-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €15,000 u garanzija personali ta’ €25,000. Fost il-kundizzjonijiet hemm ukoll li ma jħallux il-pajjiż, ma jagħmlu l-ebda kuntatt max-xhieda u jiffirmaw fl-għassa tal-Pulizija. Dan filwaqt li Dijana Jovicevic, li kienet qed tippreżenta lill-kumpanija, trid tiffirma darbtejn fil-ġimgħa u ma tistax issiefer.
17:55 – Ninsabu f’Awla numru 22 fejn minn hawn u ftit tal-ħin ieħor mistennija li jaslu l-akkużati. Fl-Awla għadhom kemm jidħlu l-qraba ta’ Jean Paul Sofia, fosthom ommu u missieru.
17:59 – Tidħol fl-Awla l-Maġistrat Natasha Galea Sciberras li se tkun qed tippresedji s-seduta.
18:05 – Fl-Awla waslu wkoll l-avukati difensuri li se jkunu qegħdin jidhru għan-nom tal-akkużati u oħrajn li qed jidhru għan-nom tal-familja ta’ Jean Paul Sofia, bħala parte civile.
18:15 – Bdew jaslu fil-binja tal-Qorti uħud mill-akkużati, mistennija li jidħlu fl-Awla minn ħin għall-ieħor.
18:25 – Bdew jidħlu fl-Awla l-akkużati, is-seduta mistennija li tibda fil-ħin ġej.
18:26 – Tibda s-seduta.
18:32 – Il-Qorti ħatret tradutturi għall-benefiċċju taż-żewġ imputati ta’ nazzjonalità Serba.
18:35 – L-Ispettur Paul Camilleri għan-nom tal-Prosekuzzjoni spjega x’wassal għall-arrest tal-imputati. Huwa stqarr li l-Ġimgħa l-Korp tal-Pulizija ġiet mgħarraf li ngħalqet l-Inkjesta Maġisterjali u minnufih bdiet ħidma biex jiġu arrestati dawk imsemmija fl-inkjesta. Żewġ imputati taw ruħhom b’idejhom wara li rċievew telefonata mill-Pulizija.
18:38 – Camilleri spjega wkoll kif ilbieraħ, is-Sibt 21 ta’ Lulju, żewġ imputati kkontestaw l-arrest tagħhom quddiem il-Qrati liema talba ma kinitx milqugħa mill-Qorti. Camilleri stqarr ukoll li kien hemm akkużati li xehdu f’istanzi u f’istanzi oħra ma xehedux.
18:39 – L-Avukat tad-Difiża Franco Debono li qiegħed jidher għan-nom tal-iżviluppaturi Kurt Buhagiar and Matthew Schembri qiegħed jistaqsi diversi mistoqsijiet dwar kif seħħu l-proċeduri b’rabta mal-arrest tal-klijenti tiegħu, dan qiegħed isir hekk kif qed tiġi kkontestata l-validità tal-arrest.
18:53 – Minkejja l-mistoqsijiet li saru lill-Prosekuzzjoni, l-validità tal-arrest finalment ma ġietx ikkontestata.
18:55 – L-akkużati lkoll wieġbu mhux ħajta għall-akkużi miġjuba kontrihom.
18:58 – Il-Prosekuzzjoni ppreżentat lill-Qorti diversi dokumenti b’rabta mal-akkużati b’mod partikolari l-fedini penali tagħhom.
18:59 – L-akkużati lkoll qegħdin jagħmlu talba għall-ħelsien mill-arrest. Din it-talba qed tkun oġġezzjonata mill-Prosekuzzjoni li qed targumenta kif il-gravità tal-każ li huwa wkoll ta’ interess pubbliku lil hinn minn dak li tgħid il-midja. Il-Prosekuzzjoni qalet ukoll li barra hemm xhieda pajżana li għad iridu jixdhu fil-proċeduri kriminali, fosthom ħaddiema li weġġgħu. B’hekk qiegħed jiġi argumentat li hemm biżà tal-intralċ tal-provi.
19:01 – Il-Prosekuzzjoni argumentat ukoll li hemm biżà li l-imputati jaħarbu mill-pajjiż.
19:03 – Id-Difiża qed targumenta li l-Prosekuzzjoni qed tkun kontradittorja minħabba li xehedet li ma kienx hemm biżà li jaħarbu l-imputati, dan minkejja s-sottomissjonijiet tal-istess Prosekuzzjoni. Id-Difiża rribattiet għas-sottomissjoni tal-interess pubbliku fejn qalet li s-saltna tad-dritt qed tkun imminata b’dan l-argument għaliex skonta, l-ġustizzja għandha ssir skont il-liġi iżda mhux l-interess pubbliku.
19:06 – Id-Difiża għamlitha ċara li jiddispjaċieha li f’dan il-każ inħasdet il-ħajja ta’ individwu u xtaqet tagħmel enfasi fuq dan il-fatt b’mod pubbliku.
19:16 – L-avukati tad-difiża lkoll qablu mal-argumenti mressqa filwaqt li stqarru kif l-imputati Serbi u l-Perit Zammit għandhom tfal żgħar u saħansitra hemm imputat li tinsab tqila, għalhekk qegħdin jargumentaw favur it-talba tagħhom għall-ħelsien mill-arrest.
19:22 – Il-Prosekuzzjoni qed tirribatti għall-argumenti tad-difiża billi qed tiċċara x-xhieda tagħha, fost l-oħrajn billi qalet li l-biżà li l-akkużti jaħarbu issa tapplika minħabba li l-akkużati issa se jkunu tressqu quddiem il-Qorti.
19:30 – Il-Maġistrat issospendiet is-seduta u fil-ħin li ġej mistennija li toħroġ b’deċiżjoni dwar it-talba għall-ħelsien mill-arrest.
20:00 -Il-Qorti tonora t-talba għall-ħelsien mill-arrest tal-ħames imputati b’diversi kundizzjonijiet.