Fl-intervista tal-Ħadd, il-Prim Ministru u l-Mexxej Laburista tkellem ukoll dwar il-futur ta’ pajjiżna, b’mod partikolari rigward il-mudell ekonomiku li pajjiżna għandu jadatta.
Dr Abela stqarr li pajjiżna għandu jħares lejn setturi li jagħtu prijorità lill-kwalità fuq il-kwantità, filwaqt li spjega x’għandu jsir minnufih biex dan jiġi attirat.
Il-Prim Ministru qal “Nindividwalizzaw aqwa x’inhuma dawk l-oqsma li joffru iżjed kwalità fuq il-kwantità u li niżguraw ukoll imbagħad li l-opportunitajiet li joħolqu dawn l-oqsma kemm jista’ jkun jinħatfu mill-Maltin u mill-Għawdxin.”
Iżda dan kollu m’huwiex xi ħaġa li mhux tiġi attwata bħalissa f’pajjiżna.
Fil-fatt, Dr Abela irrefera għall-investimenti li saru fosthom f’Lufthansa Tecknik u l-ST Microelectronics li huma żewġ eżempji ta’ kif dawn il-prinċipji jistgħu jiġu applikati b’mod tanġibbli.
Barra minn hekk, Dr Abela tkellem dwar il-potenzjal li għandha ż-żona ekonomika esklussiva li wkoll hija sors ta’ fejn jistgħu jirrenjaw investimenti sostenibbli.
Il-Prim Ministru spjega kif wara li xhur ilu ġiet stabbilita din iż-żona fil-Parlment, bħalissa għaddejja ħidma biex il-liġi tippermetti attivitajiet ekonomiċi f’din iż-żona.
Il-Prim Ministru sostna li “Biex eventwalment imbagħad ikunu jistgħu jinħarġu sejħiet pubbliċi u internazzjonali għall-privat li għandu nteress biex iwettqu dawn il-proġetti f’dawn iż-żoni. Rajna wkoll f’sejħa li għamilna lis-suq internazzjonali u kien hemm interess sew diġà u huma proġetti li jistgħu isiru.”
Dr Abela żied jgħid li din il-viżjoni tgħaqqad mal-ambizzjoni li għandu dan il-pajjiż għal ġejjieni li ma jibżax jidħol f’setturi innovattivi u sostenibbli.
Il-Prim Ministru qal “U n-nies illum għalhekk, qegħdin jitkellmu dwar it-tranżizzjoni li jridu jaraw lil pajjiż sejjer fiha. Għalhekk, primarjament il-Gvern irid ikun kompletament sinkronizzat u intunat ma’ x’inhuma l-aspirazzjonijiet tan-nies u li imbagħad jagħti d-direzzjoni strateġika li n-nies, in-negozji, min jinvesti f’dan il-pajjiż ikun qiegħed isegwi fiha.”
Meta kien mistoqsi dwar għaliex kull sfida għandha tinbidel f’opportunità, Dr Abela wieġeb li huwa propju għalhekk li n-nies fdaw lill-Partit Laburista biex imexxi lil pajjiżna.
Fl-aħħarnett, il-Prim Ministru tkellem dwar id-deċiżjonijiet li bħalissa l-Gvern qiegħed jieħu b’antiċipazzjoni għall-Baġit 2024 li se jkun qiegħed iwieġeb għall-ħtiġijiet tal-poplu Malti u Għawdxi.
Il-Prim Ministru qal “Dawk il-ħtiġijiet huma dak li rridu nindirizzaw b’deċiżjonijiet li se nkunu qegħdin nieħdu u fuq kollox imbagħad, numru ta’ deċiżjonijiet li qed naħdmu fuqhom bħalissa li joħduna lejn Baġit li jkun wieħedsoċjalment ġust, wieħed illi jara li jqassam il-ġid nazzjonali b’mod kemm jista’ jkun ekwu. Fuq kollox Baġit imma Ii jagħti d-direzzjoni wkoll ta’ fejn sejjer il-pajjiż fis-snin li ġejjin.”