Fi stqarrija, is-Sibt waranofsinhar, l-Enemalta qalet li għaddejja bi ġlieda kontra l-ħin biex issewwi ħsarat li żviluppaw fuq in-network ta’ cables ta’ vultaġġ għoli mirduma taħt l-art f’Malta u f’Għawdex.
Dan hekk kif it-temperaturi għoljin irreġistrati din il-ġimgħa komplew ipoġġu pressjoni fuq l-infrastruttura tad-dawl tal-pajjiż.
Intqal li minn nhar it-Tnejn, l-Enemalta rreġistrat total ta’ 52 ħsara fuq cables ta’ valtaġġ għoli f’Malta u tmienja oħra f’Għawdex. It-tekniċi tal-Enemalta diġa sewwew aktar minn nofs il-ħsarat, waqt li diversi timijiet qed jaħdmu bla waqfien biex isewwu l-ħsarat kollha li fadal fin-network mill-aktar fis possibli.
Il-provvista tal-elettriku f’partijiet minn Ħad Dingli, r-Rabat, l-Imdina, il-Kalkara u ĦażŻabbar f’Malta, u iż-Żebbuġ, Marsalforn, ix-Xaghra u in-Nadur, ser tingħata lura hekk kif jitlestew ix-xogħlijiet. Fir-Rabat u Ħad-Dingli żviluppaw erba’ ħsarat differenti f’temp t’erbat ijiem.
Dawn il-ħsarat iżolaw lir-Rabat u lill-Ħad-Dingli mill-bqija tal-grid, u ħolqu diffikultajiet biex tingħata lura il-provvista tal-elettriku lill-konsumaturi kollha affettwati.
