B’investiment ta’ tliet miljun ewro pajjiżna se jkollu l-ewwel Bank Ġenetiku Nazzjonali tal-Pjanti mid-Direttorat għall-Ħarsien tal-Pjanti.
Fil-fatt ix-xogħlijiet fuq dan il-proġett jinsabu fi stadju avvanzat ferm tant li mistenni jkun konkluż sas-sena d-dieħla. Wara li jitlesta x-xogħol ta’ kostruzzjoni u armar, jibda l-ġbir ta’ żrieragħ lokali u pjanti indiġeni, fost l-oħrajn.
B’hekk dawn il-pjanti isirulhom studji botaniċi u ġenetiċi li se jkunu ddokumentati b’rabta mad-dokumentazzjoni tal-bijodiversità ta’ pajjiżna.
Il-Ministru responsabbli mis-settur agrikolu, Anton Refalo, stqarr li dan il-proġett jixhed il-viżjoni għal ġejjieni li għandu l-Gvern għal dan il-qasam.
“Il-Bank Ġenetiku Nazzjonali huwa innovazzjoni li aħna rridu għal dan is-settur għaliex mhux biss sempliċiment dan huwa depożitarju tar-riżorsi ġenetiċi imma ser jgħinna wkoll biex niffaċċjaw il-problema tat-tibdil fil-klima u finalment ukoll biex nagħmlu l-katina tal-ikel iktar reżiljenti.”
Dan il-proġett qiegħed jittella’ bis-saħħa wkoll ta’ ko-finanzjament ta’ Fondi għall-Iżvilupp Rurali 2014-2020.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Chris Bonnett, stqarr kif il-Fondi Ewropej għandhom jintużaw għal proġetti ta’ riċerka, bħal dan, ukoll.
“Għalhekk dan il-proġett se jara li ssir ir-riċerka neċessarja biex nippreservaw iż-żrieragħ imma wkoll isir dak l-istudju tant importanti biex imbagħad naraw kif il-pjanti tagħna nistgħu nużawhom għal ġid tagħna u nipproteġu wkoll il-bijodiversità tagħna. Il-Fondi Ewropej qegħdin hemmhekk għalhekk ukoll biex nirriċerkaw.”