Is-settur tal-ħarsien tal-annimali se jkompli jkun qed jissaħħaħ hekk kif ġew imħabbra żewġ inizjattivi, ‘Adopt a pet allowance’ u ‘Free vet services to NGOS.’
Dan se jgħin fit-tkomplija tas-servizzi veterinarji b’xejn offruti lill-għaqdiet mhux governattivi bil-għan li tgħin fil-ħidma tal-ħafna voluntiera f’dan is-settur.
Filwaqt li semmiet l-apprezzament tagħha tax-xogħol li jagħmlu bosta voluntiera fis-santwarji biex jipproteġu l-annimali, is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said qalet li b’investiment ta’ madwar €80,000, matul is-sentejn li għaddew, il-Gvern kompla jagħti l-appoġġ tiegħu lis-santwarji u l-għaqdiet mhux governattivi billi pprovda servizzi veterinarji b’xejn.
Hija spjegat li se jkunu qed jingħataw €45 għal kull kelb u qattus li l-għaqdiet ikunu qed jieħdu ħsieb u €180 f’każ ta’ żiemel.
“Il-Gvern qed ikompli bil-ħidma tiegħu favur l-annimali speċjalment annimali abbundunati u għaldaqastant qed illum qed inħabbru żewġ skemi importanti waħda għas-santwarji biex inkoplu ngħinuhom fejn jidħlu spejjeż tal-veterinarji li jaffaċċjaw biex jagħtu l-kura u s-saħħa lil diversi annimali li huma għandhom u l-Adopt a Pet allowance, għajnuna lil dawk li jixtiequ jaddottaw annimal mill-Animal Welfare Directorate biex inkompli ninkoraġixxu lil pubbliku sabiex jaddottaw l-annimali sabiex nagħtu t-tieni ċans lil annimali abbandunati.”
Bugeja Said sostniet li kif imwiegħed fil-manifest elettorali, il-Gvern kommess li jkompli jinċentiva aktar nies biex jadottaw annimali.
Għaldaqstant, il-Gvern qed jinvesti madwar €30,000 f’vouchers u li jistgħu jissarfu f’servizzi veterinarji minn wieħed mill-istabbilimenti jew kliniċi li huma rreġistrati mad-Dipartiment għall-Ħarsien tal-Annimali.
Dwar dawn il-vouchers, ONE News tkellem ma’ Joseph John Vella, Aġent Direttur tal-Ħarsien tal-Annimali.
“Din l-iskema ta’ Adopt a Pet allowance se tibda fl-1 ta’ Awwissu. Huwa maħsub li bejn wieħed u ieħor se jinħarġu 430 voucher li jkunu on a first come first served basis.”