Fi Frar li għadda, l-impjiegi full-time żdiedu bi 8.4%, meta mqabbel ma’ Frar tal-2022. Dan joħroġ minn ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, li ġew ippubblikati llum.
F’dawn iċ-ċifri ħareġ li fi Frar, l-impjiegi full-time kienu jgħoddu għal kważi 267,000 persuna. Dan filwaqt li fi Frar tas-sena l-oħra, il-ħaddiema full-time kienu mal-20,000 persuna inqas.
Din iż-żieda fl-impjiegi hi attribwita l-aktar għal xogħlijiet fil-qasam ta’ servizzi amministrattivi u dawk tal-ospitalità u tal-ikel.
Minn dawn iċ-ċifri ħareġ li l-għadd ta’ nies irreġistrati bħala self-employed full-time tela’ b’619-il persuna oħra meta mqabbel ma’ sena qabel.
Fl-istess waqt ħaddiema rġiel full-time żdiedu bi kważi disgħa fil-mija u n-nisa b’7.6%.
Minn dawn iċ-ċifri tal-NSO ħareġ ukoll li kien hemm tnaqqis ta’ kważi 500 ħaddiem f’dawk li jaħdmu fis-Settur Pubbliku, hekk kif, fi Frar li għadda l-impjegati maċ-Ċivil kienu jgħoddu għal ftit aktar minn 51,000 persuna.
Din l-aħħar żieda uffiċjali ġiet irreġistrata, minkejja l-isfidi kbar internazzjonali bla preċedent kawża tal-pandemija u l-Gwerra fl-Ukrajna.
Fl-istess ħin, ir-rata ta’ qgħad kompliet tonqos u tinsab fl-inqas livell irreġistrat fl-istorja ta’ pajjiżna.