Il-Gvern se jkun qed iniedi skemi ta’ kumpens li se tagħmel tajjeb għad-danni li ġew sofruti kawża tal-qtugħ fil-provvista tal-elettriku fl-aħħar jiem.
Ħabbar dan il-Prim Ministru Robert Abela hekk kif kien qed jindirizza lill-ġurnalisti fil-Berġa ta’ Kastilja.
Fil-fatt, waqt it-tweġibiet tiegħu, il-Prim Ministru ġie mistoqsi dwar is-sitwazzjoni tal-provvista tal-elettriku madwar pajjiżna u kien hawn li ħabbar il-ħidma favur din l-iskema.
Qal, “Dwar il-prinċipju li se jingħata kumpens diġà tkellimt ċar iva, se tkun qed tinħoloq skema ta’ kumpens speċifika dwar dan il-każ. Jiġifieri inti għandek l-iskema tradizzjonali, dik li titkellem dwar ħsarat fl-appliances, beyond dik issa għal dan il-każ se nkunu qed infasslu skema li tkun waħda speċifika li trid tagħmel tajjeb għal min tilef perishibles għall-argument, min kellu l-affarijiet ġewwa l-fridge jew ġewwa l-freezer, imma li tagħmel tajjeb għall-inkonvenjent li sofra l-poplu tagħna.”
Sadanittant il-Prim Ministru rringrazzja lill-ħaddiema kollha responsabbli biex ireġġgħu lura għan-normal il-provvista tal-elettriku fil-lokalitajiet milqutin.
Qal, “Dawk huma ħaddiema li nixtieqek kont miegħi lbieraħ f’nofs ta’ lejl, jaħdmu fis-sħana ġewwa trinka, jagħmlu xogħol li huwa sensittiv ħafna. Verament nixtieq nirringrazzjahom minn qalbi tad-dedikazzjoni tagħhom lejn il-pajjiż.”
Fil-fatt, matul il-lejl li għadda Dr Abela kien f’Ħal Far isegwi mill-qrib il-ħidma minn inġinieri, tekniċi u ħaddiema oħrajn tal-Enemalta fit-tiswijiet tal-cables.
Preżenti mal-Prim Ministru kien hemm il-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalli u ġie spjegat lilhom il-ħidma li qiegħda ssir. Fl-aħħar sigħat, l-Enemalta rreġistrat domanda rekord ta’ 624MW. Dan b’riżultat ta’ mewġa qawwija ta’ sħana li qed tolqot l-Ewropa, bil-qalba tal-Mediterran qed tkun deskritta bħala l-epiċentru ta’ din il-heatwave.
Il-Prim Ministru, flimkien mal-Ministru Dalli, irringrazzjaw lill-ħaddiema tal-Enemalta li qed jaħdmu bla waqfien biex jissewwew il-ħsarat u jagħtu lura l-provvista tal-elettriku.