Fl-aħħar erbat ijiem ta’ mewġa ta’ sħana li laqtet lill-pajjiż ġew irrapportati 42 ħsara fid-distribuzzjoni tal-elettriku. L-Enemalta ħabbret li dan hu ammont bla preċedent f’pajjiżna, waqt li ħaddiema tal-kumpanija diġà lestew 22 ħsara, waqt li 12 oħra li qed jissewwew attwalment.
Dan intqal waqt laqgħa ta’ informazzjoni mal-midja, fir-raba’ jum tas-sħana qawwija, li qed jesperjenza pajjiżna flimkien mal-kumplament tar-reġjun tal-Mediterran fejn ukoll ġew irreġistrati rekords ta’ kull żmien.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Enemalta, Jonathan Cardona, qal li minn nofsillejl sal-erbgħa ta’ waranofsinhar tal-Ġimgħa ġew irrapportati biss tliet każijiet ta’ interruzzjonijiet, li huma ferm inqas minn dawk tal-jiem li għaddew.
Qal li matul il-jum tal-Ħamis kien hemm rekord ieħor ġdid ta’ użu tal-elettriku, hekk kif intużaw 628 MW.
It-tekniċi tal-Enemalta spjegaw li l-ħsarat qed jaffettwaw numru ta’ lokalitajiet u dan qed iseħħ hekk kif qed imorru cables li qed jitfu s-substations.
Intqal li fit-tiswijiet tagħha, l-Enemalta qed tibdel dawn il-cables ma’ oħrajn moderni.
Ġie spjegat li l-Enemalta f’kull ħin tal-ġurnata, jiġifieri bil-lejl u bi nhar, qed ikollha madwar 50 ħaddiem jaħdem biex itaffi l-problema.
L-Enemalta qalet li qed issir evalwazzjoni ta’ dak li ġara f’dawn l-aħħar jiem biex dan li ġara jkun hemm jista’ jkun evitat.
Min-naħa tagħha, il-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalli qalet li l-għan tal-Gvern hu li jekk imur id-dawl f’xi lokalità, dan jerġa’ jiġi kemm jista’ jkun malajr.
Qalet li bħalissa l-Gvern qed jindirizza d-diżastru li ħalla Gvern Nazzjonalista.
Il-Ministru Dalli semmiet li, fl-aħħar sena u nofs, saru 66 substation ġdid u nbidlu madwar 120 kilometru ta’ cables. Dan minbarra li sar tisħiħ fiċ-ċentri ta’ distribuzzjoni ta’ Wied il-Għajn, f’Ħal Tarxien u fl-Imrieħel, u għaddejjin pjani biex isiru ċentri oħrajn fin-Naxxar u s-Siġġiewi.
Il-Ministru Dalli qalet li l-investiment ta’ €90 miljun għandu jitħaffef, waqt li s-settur tal-enerġija se jissaħħaħ ukoll minn investiment ta’ €70 miljun li ġej mill-pjan tal-Unjoni Ewropea ta’ REPowerEU.
Sadanittant, il-General Workers’ Union ikkonfermat li ħaddiema tal-Enemalta ġew issottati bil-bajd u b’boroż tal-ilma, waqt li kienu qed jirranġaw il-ħsarat f’numru ta’ postijiet biex ireġġgħu lura l-provvista tal-elettriku lill-konsumaturi.