Fl-ewwel kwart ta’ din is-sena, Malta rreġistrat l-akbar tnaqqis fid-defiċit minn fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.
Dan ħareġ minn ċifri tal-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea, il-Eurostat.
Dawn iċ-ċifri jindikaw li fl-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena, waqt li l-medja tad-defiċit madwar l-Unjoni Ewropea kienet ta’ 4.2% tal-ġid nazzjonali, dak f’Malta kien ta’ 5.7%.
Dan hu indikazzjoni tas-saħħa tal-pakkett ta’ għajnuniet li wettaq il-Gvern biex jilqa’ għall-impatt ekonomiku taż-żieda fil-prezzijiet internazzjonali.
Minkejja dan, id-defiċit osservat, fl-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena kien ta’ 3.8% inqas, meta mqabbel mal-istess kwart is-sena l-oħra. B’dan ifisser li d-defiċit kien kważi n-nofs ta’ dak irreġistrat is-sena li għaddiet.
Sadanittant, fi statistika oħra tal-Eurostat, ħareġ kif fl-istess kwart pajjiżna reġa’ kellu tnaqqis fil-piż tad-dejn nazzjonali meta mqabbel mal-istess perjodu sena qabel.
Dan hekk kif id-dejn nazzjonali, fi żmien sena, naqas għal 53.6% minn 56% – differenza ta’ 2.4%.
Il-figuri tal-Eurostat juru li pajjiżna ilu mit-tielet kwart tal-2015 ma jkollu piż tad-dejn nazzjonali fuq is-60% tal-ġid nazzjonali, kriterja stabbilita fl-Unjoni Ewropea skont it-Trattat ta’ Maastricht. Hawnhekk Malta għandha s-seba’ l-inqas rata fiż-Żona Ewro.
Meta mqabbel mal-ewwel kwart tal-2013, jiġifieri qabel il-bidla fil-Gvern, dan il-piż kien ilaħħaq kważi 70% tal-ġid nazzjonali. Għaldaqstant wara għaxar snin ta’ Gvernijiet Laburisti kien hemm tnaqqis aktar minn 16%.
B’dan ifisser li hekk pajjiżna għandu rata ta’ dejn nazzjonali fost l-aktar baxxi fl-istorja.