Il-Bord tad-dixxiplina tal-UEFA ħareġ il-pieni tiegħu wara x-xeni ta’ ġlied li ddominaw fil-partita bejn Ħamrun Spartans FC u Maccabi Haifa FC.
ONE News hu informat li l-UEFA imponiet l-akbar piena ħarxa fuq Maccabi Haifa FC hekk kif il-klabb Iżraeljan ġie ordnat iħallas €30,000, bħala kumpens tal-ħsara li l-partitarji tagħhom kkawżaw fis-Centenary Stadium. Dan filwaqt li ġew pprojbiti milli jbiegħu biljetti lill-partitarji tagħhom għaż-żewġ logħbiet li ġejjin barra minn darhom fil-kompetizzjoni taċ-Champions League.
Min-naħa l-oħra, Ħamrun Spartans ġew immultati €28,250 u li jagħlqu parti mill-grawnd għal-logħba li jmiss li jilagħbu f’darhom. Parti minn din il-multa għall-Ħamrun Spartans ngħatat hekk kif imblukkaw il-passaġġ pubbliku.
Minbarra hekk, il-klabb għandu probation ta’ sentejn fejn hekk jinkiser, il-klabb ikollu jerġa’ jagħlaq parti mill-grawnd għal sentejn. Dan jibda mid-data tad-deċiżjoni.
Fil-11 ta’ Lulju li għadda kienet qed tintlagħab il-logħba mill-ewwel fażi ta’ kwalifikazzjoni taċ-Champions League f’Ta Qali fejn il-Pulizija kellhom jintervjenu fuq partitarji Iżraeljani wara li tefgħu numru ta’ flares fil-grawnd u fid-direzzjoni ta’ partitarji ta’ Ħamrun Spartans b’riżultat li nqalgħet kommossjoni sħiħa u l-logħba ġiet sospiża għal madwar nofs siegħa.
Kawża ta’ dan l-inċident, fit-12 ta’ Lulju, żewġ Iżraeljani ttellgħu l-Qorti fejn ammettew l-akkużi kontrihom u ġew ikkundannati sentenza ta’ sena ħabs sospiża u multa ta’ €300 kull wieħed.