Waqt l-intervista fil-Gudja, il-Prim Ministru Robert Abela fisser it-tranżizzjoni ekonomika ġdida li, biha, pajjiżna se jidħol f’fażi ġdida ta’ prosperità.
Dr Abela rrefera għall-ġid kbir li kattar Gvern Laburista minn għaxar snin ilu ’l hawn, wara l-politika ta’ awsterità li kellu Gvern Nazzjonalista. B’dan għadu rifless fil-politika tal-Oppożizzjoni tal-lum.
Il-Prim Ministru semma investimenti ta’ kwalità li jagħtu impjiegi ta’ kwalità lill-Maltin, fosthom dak tal-ST Microelectronics. Dan apparti proġetti ta’ enerġija rinnovabbli fuq il-baħar, fejn ikun hemm turbini u pannelli li jissupplixxu enerġija alternattiva.
F’din l-intervista, il-Prim Ministru sostna li l-Gvern jifhem is-sentiment tan-nies dwar realtajiet differenti, fejn hawnhekk sostna fuq id-dixxiplina, inkluż fis-settur tal-kostruzzjoni.
Dwar it-trasport, Dr Abela qal li l-Gvern wettaq proġetti infrastrutturali fosthom dak tas-Central Link u anke dak ta’ Ħal Luqa. Dan filwaqt li qed isir tisħiħ fis-servizz tat-trasport bil-baħar fil-mollijiet ta’ Bormla, f’Tas-Sliema u f’Buġibba.
Il-Prim Ministru nnota wkoll il-miżura tat-trasport pubbliku b’xejn għal kulħadd, waqt li t-trasport b’xejn għall-istudenti kollha tal-iskejjel fejn issa se jiġu inforzati l-kundizzjonijiet ta’ ftehim għal servizz aktar effettiv.
Il-Prim Ministru temm jikkommetti ruħu b’aktar ħidma favur pajjiżna, anke quddiem baġit ieħor li se jiġi ppreżentat fix-xhur li ġejjin.
“F’Ottubru li ġej, minkejja l-isfida tal-inflazzjoni, immorru quddiem il-poplu tagħna b’baġit li jindirizza r-realtajiet tan-nies, b’żieda lill-pensjonanti tagħna, twessigħ tal-In-Work Benefit, żieda fiċ-Children’s Allowance, it-tieni żieda. Din hi l-ewwel sena minn leġiżlatura ta’ ħames snin. Determinat li nkomplu naħdmu bis-saħħa.”
Il-Prim Ministru Robert Abela