Il-Bord tal-Ippjanar iddeċieda li proposta ta’ tiġdid ta’ permess, li kien inħareġ l-ewwel darba fl-2012, għal żvilupp fil-wied tal-Kalkara ma jibqax jikkalkula bħala tali u minflok iqis l-applikazzjoni proposta bħala waħda kompletament ġdida.
L-iżvilupp, li ngħata permess l-ewwel darba fl-2012, jipproponi l-bini ta’ 88 appartament residenzjali u 93 garaxx fuq aktar minn sitt elef metru kwadru ta’ għelieqi maġenb il-wied qrib il-Knisja Parrokkjali tal-Kalkara.
Lura fl-2009, l-Awtorità tal-Ippjanar kienet qablet fil-prinċipju mat-tqassim taż-żona, id-densità, il-linja, l-għoli tal-bini u l-massa tal-proġett. Wara nħareġ il-permess finali għall-iżvilupp fl-2012, minkejja oġġezzjonijiet qawwija mill-Kunsill Lokali tal-Kalkara. Fl-2018 l-istess permedd kien imġedded.
Minn dakinhar, l-iżviluppaturi naqsu milli jibdew ix-xogħlijiet u allura kienu obbligati li japplikaw biex iġeddu l-permess.
Fid-deċiżjoni tiegħu, issa, l-Bord għażel li jerġa’ jevalwa l-applikazzjoni tal-ippjanar kompletament mill-ġdid biex tkun konformi ma’ sentenzi riċenti tal-Qorti. Għalhekk, il-Bord tal-Ippjanar iddeċieda li, ladarba qatt ma ġie sottomess avviż ta’ bidu għax-xogħlijiet u ma kien hemmx impenn fuq il-post, allura l-permess ma jistax jiġġedded.
Is-sit jaqa’ fiż-Żona ta’ Konservazzjoni Urbana (UCA) tal-Kalkara u hu mqassam bħala Żona ta’ Valur ta’ Pajsaġġ Għoli tal-Fortifikazzjonijiet tal-Port.
Din id-deċiżjoni ġabet reazzjoni pożittiva mill-Kunsill Lokali tal-Kalkara li sostna li s-suġġett ġie diskuss f’bosta laqgħat.