Fl-aħħar siegħat, id-domanda tal-elettriku reġgħet qabżet ir-rekord u issa telgħet għal 624MW mis-600MW li ntlaħaq fil-jiem li għaddew.
Dan ħareġ waqt aġġornament li l-Enemalta għamlet mal-ġurnalisti dwar l-aħħar sitwazzjoni b’rabta mal-ħsarat li kien hemm fis-servizzi tagħha.
Hawnhekk, it-tmexxija tal-Enemalta għal darb’oħra rrimarkat kif il-kawża tal-qtugħ tad-dawl, li qed jesperjenzaw xi lokalitajiet, mhumiex kawża tad-domanda li hemm, iżda kawża tal-ħsarat li kkawżat is-sħana fuq diversi cables taħt l-art.
Fil-fatt ta’ min ifakkar kif l-Enemalta għandha għad-dispożizzjoni tagħha kapaċità ta’ ’l fuq minn 800 Megawatt.
Fil-preżenza tal-Ministru responsabbli mill-enerġija, Miriam Dalli, il-Kap Eżekuttiv tal-Enemalta, Jonathan Cardona, tenna kif il-ħaddiema tal-kumpanija għadhom għaddejjin b’ħidma bla waqfien biex iġibu s-sitwazzjoni lura għan-normal.
Fi stqarrija aktar kmieni, l-Enemalta qalet li madwar 40 inġinier u tekniċi tal-Enemalta, flimkien ma’ ħaddiema tal-kuntrattur, matul il-lejl li għadda komplew bix-xogħlijiet ta’ emerġenza biex jissewwew ħsarat li żviluppaw f’diversi partijiet oħra tas-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku li wasslu għal qtugħ.
Fl-aġġornament, it-tmexxija tal-Enemalta qalet kif mal-lejl li għadda kienu rreġistrati disa’ ħsarat f’żoni differenti. Ħafna mill-ħsarat żviluppaw fil-cables ta’ taħt tal-art li biex ikunu jistgħu jissewwew jirrikjedu t-tħaffir ta’ trinek.
Dwar l-influss ta’ telefonati li qed t’esperjenza l-kumpanija, Cardona qal kif din iddeċidiet li żżid il-kuntatti tagħha mal-klijenti affettwati. Dan filwaqt li tħabbar ukoll li l-Enemalta ngħaqdet mal-linja b’xejn tas-servizz.gov fuq in-numru 153.
L-aktar milqutin mill-aħħar ħsarat kienu partijiet minn Birkirkara u xi lokalitajiet tal-madwar, waqt li l-Enemalta qalet li hu ppjanat kif id-dawl mistenni jirritorna llejla.
Filwaqt li semmiet l-investiment li twettaq u qed jitwettaq fil-qasam tal-enerġija, il-Ministru Dalli qalet kif qed jiġi analizzat x’tip tal-kumpens jista’ jkun hemm apparti dak diġà fis-seħħ.
L-Enemalta tenniet l-impenn tagħha li tkompli bil-proġett biex issaħħaħ is-sistema kumplessa tad-distribuzzjoni biex dejjem tnaqqas il-ħsarat fil-provvista tal-elettriku u l-inkonvenjent li dawn joħolqu lill-klijenti.