Missio Malta ser tkun qed ittella’ l-ewwel edizzjoni ta’ Ejja Imxi Miegħi, bl-għan li tqajjem kuxjenza dwar id-distanzi twal li nies f’pajjiżi li qed jiżviluppaw jimxu kuljum biex iġibu ilma għax-xorb.
L-inizjattiva, li ser isseħħ bejn id-19 u l-25 ta’ Lulju fi Pjazza Tritoni, il-Belt Valletta, ser tagħmel użu minn teknoloġija tar-realtà virtwali u treadmills, sabiex tgħin lill-parteċipanti jesperjenzaw l-illużjoni li qed jimxu distanzi twal fl-Afrika.
“Permezz ta’ din l-attività, qed nistiednu membri tal-pubbliku sabiex jingħaqdu magħna fuq l-istand ta’ Missio fi Pjazza Tritoni, l-Belt Valletta, u jilqgħu l-isfida u jidħlu fiż-żarbun ta’ eluf ta’ persuni f’pajjiżi li qed jiżviluppaw, li jffaċċjaw tbatija kbira biex jiksbu l-ilma tajjeb għax-xorb ta’ kuljum,” qal Robert Farrugia, Kap tal-Komunikazzjoni u Ġbir ta’ Fondi ta’ Missio Malta.
Persuni f’pajjiżi bħall-Ghana, is-Somalja, u ż-Żimbabwe jimxu kilometri sħaħ kuljum sabiex iġibu ilma tajjeb għax-xorb, għax is-sors tal-ilma jkun imbiegħed ferm mill-villaġġi tagħhom. Missio Malta qed tqajjem kuxjenza dwar is-suġġett, biex tiġbor fondi u ttejjeb l-aċċess għall-ilma, li jkun eqreb fejn joqgħodu dawn il-persuni. Missio Malta diġa għinet eluf ta’ persuni fl-Afrika jindirizzaw din il-problema bil-bini ta’ bjar li jissuplixxuhom b’ilma tajjeb għax-xorb.