L-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) nediet it-tmien edizzjoni ta’ Premju Servizz bi Tbissima. Din il-kompetizzjoni tirrikonoxxi u tippremja lin-negozji lokali li jagħmlu l-almu tagħhom biex jipprovdu l-aħjar servizz lill-klijenti tagħhom.
Iċ-Chairperson tal-MCCAA, l-Inġ. Helga Pizzuto, spjegat li meta jkun hemm relazzjoni tajba, il-kunflitti u l-ilmenti jonqsu għax meta tinqala’ problema tissolva b’mod amikevoli u ħafna drabi anke mingħajr il-bżonn li tintervjeni l-awtorità.
Is-sena li għaddiet, l-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur fi ħdan l-MCCAA irċieva ‘l fuq minn 8,400 talba għall-informazzjoni u intervjena direttament f’aktar minn 1,200 ilment permezz tal-proċess ta’ konċiljazzjoni.
Il-Ministru għall-Inklużjoni, Organizzazzjonijiet Volontarji u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli qalet li l-MCCAA nediet din l-inizjattiva għax tagħraf l-importanza li jkun hemm relazzjoni tajba u ta’ fiduċja bejn il-konsumaturi u l-bejjiegħa.
Fl-edizzjoni ta’ din is-sena hemm sitt kategoriji ewlenin li fihom il-konsumaturi jistgħu jivvutaw: moda u sbuħija, supermarkets u mini-markets, prodotti elettroniċi u oġġetti tad-dar, bejjiegħa lokali onlajn, servizzi tal-ivvjaġġar u tat-trasport, u ħwienet tal-annimali domestiċi u pjanti.
Il-konsumaturi jistgħu jivvutaw fuq il-paġna servizzbitbissima.mccaa.org.mt.
Il-kompetizzjoni hija miftuħa bejn id-19 ta’ Lulju 2023 u s-16 ta’ Awwissu 2023. Il-konsumaturi li jipparteċipaw f’din il-kompetizzjoni jkunu qed jidħlu fiċ-ċans li jirbħu wieħed mill-erba’ premjijiet ta’ €100 kull ġimgħa.