Ir-residenti li jgħixu fiż-żona ta’ akkomodazzjoni soċjali f’Santa Luċija se jgawdu minn kwalità ta’ ħajja aħjar, hekk kif għaddejjin b’ritmu mgħaġġel ix-xogħlijiet ta’ tisbiħ u mmodernizzar f’din iż-żona.
Ix-xogħlijiet qed isiru mill-Awtorità tad-Djar b’fondi Ewropej, b’investiment ta’ aktar minn sitt mitt elf ewro.
Fost l-oħrajn, qed isiru passaġġi u rampi biex jiffaċilitaw l-aċċessibilità għar-residenti biex tiġi indirizzata l-problema ta’ diżvlivell li kien hemm fiż-żona.
Qed isiru wkoll xogħlijiet fuq il-ġibjuni li huma ddisinjati b’kapaċità ta’ madwar 350 metru kubu għall-irrigazzjoni ta’ 26 siġra u 400 pjanta u arbuxelli.
Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli, Roderick Galdes tenna l-impenn tal-Gvern li jkompli jsaħħaħ is-settur tal-akkomodazzjoni b’mod ħolistiku, anki billi jiġi assigurat li l-ambjent tal-madwar ikun ta’ kwalità tajba.
Żied jgħid ukoll li proġetti ta’ dan it-tip għaddejjin ukoll fil-Mosta u fil-Marsa.
“Hawnhekk qed nagħmlu proġett ieħor fil-qalba ta’ Santa Luċija madwar seba’ blokok. Mijiet ta’ familji se jibbenefikaw minn kwalità ta’ ħajja aħjar fejn fost l-oħrajn mhux biss se nsaħħu l-aċċessibilità, ser ikollna ħażna tal-ilma, playing fields għall-familji li se jgħixu hawnhekk f’din iż-żona. L-iskop tagħna mhux li nibnu l-housing soċjali biss imma wkoll li nibżgħu għall-oqsma tad-djar li għandna imma wkoll li ntejbu l-kwalità tal-ħajja permezz ta’ proġetti bħal dawn.” 28
Ministru Roderick Galdes
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Chris Bonett qal li proġetti bħal dawn b’fondi Ewropej, qed ikomplu jtejbu l-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u tal-Għawdxin.
“Qed nużaw il-fondi Ewropej biex nirriġeneraw iż-żona u ngħinu lill-komunità tgħid f’dik li dejjem ngħidu hija kwalità ta’ ħajja aħjar. Dawn il-proġetti ħa jibqgħu għaddejjin. Dal-proġett wasal biex jispiċċa u looking forward biex naraw lir-residenti u lit-tfal ta’ Santa Luċija jgawdu dan il-proġett ukoll.” 15
Segretarju Parlamentari Chris Bonett