Kienet din waħda mid-dikjarazzjonijiet li nstemgħet minn persuni fost in-nies li kienu fi Pjazza Kastilja b’referenza għall-Prim Ministru u ħaddiema fil-Berġa ta’ Kastilja hekk kif tlissen li se jitpoġġew ix-xemgħat fuq it-taraġ ta’ Kastilja.
Min-naħa l-oħra kien hemm oħrajn li bl-ikbar rispett fakkru l-memorja ta’ Jean Paul Sofia, li miet fit-3 ta’ Diċembru li għadda, mat-tmien xhur ilu.
Fil-jum tat-Tnejn, fid-dawl li l-inkjesta maġisterjali baqgħet ma tlestitx, il-Prim Ministru Robert Abela ħatar inkjesta mmexxija mill-Ombudsman, l-Imħallef Emeritu Joseph Zammit Mckeon.
Dan biex b’mod parallel tinvestiga għal nuqqasijiet sistematiċi. Fl-istess ħin kompla jsir appell biex l-inkjesta maġisterjali tikkonkludi fl-iqsar żmien għax biha biss jistgħu jitressqu n-nies quddiem il-ġustizzja u jerfgħu r-responsabbiltà għall-akkadut.
Omm Jean Paul Sofia, Isabelle Bonnici rringrazzjat lill-Prim Ministru u wriet is-sodisfazzjon għad-deċiżjoni meħuda.
Qalet, “Il-Prim Ministru sema’ l-polz tal-poplu u tal-familja tagħna, grazzi. L-ewwel ħaġa rrid nirringrazzja, kif għedna lill-Prim Ministru.”
Quddiem attakki ta’ wħud, Bonnici widbithom u saħqet kontra l-partiġġjaniżmu.
Qalet, “Jekk jogħġbok hawn mhawnx politika.”
Kien hemm nies fuq quddiem li kienu partiġġjani u anki jattakkaw lill-Prim Ministru u b’mod evidenti, omm u missier Jean Paul Sofia wrew diżapprovazzjoni.
Wara li għadda sew il-ħin mit-tmiem tal-velja u tqiegħdu x-xemgħat, il-Prim Ministru Robert Abela ħareġ mill-Berġa ta’ Kastilja, b’uħud min-nies infexxew f’attakki u kliem dispreġjattiv.
Il-familja ta’ Jean Paul Sofia saħansitra ddeplorat u kkundannat l-aġir ta’ dawn in-nies.
Filwaqt li l-familja ta’ Sofia ddiżassoċjat ruħha minn dak li seħħ fil-konfront tal-Prim Ministru, għamlitha ċara li hi kienet ġa telqet minn Pjazza Kastilja, “Aħna ovvjament l-iskop tal-velja kienet u baqgħet dik tal-imħabba. Hekk bdiet u hekk spiċċat”, sostniet il-familja fuq il-paġna ta’ facebook Għal Jean Paul.