Il-liċenzja tal-kuntratturi, li ddaħħlet fis-seħħ permezz ta’ avviż legali, se twassal biex f’kull fażi ta’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni jrid ikun hemm persuna bil-liċenzja li taf x’għandu jsir.
Dan intqal minn Antoine Bartolo, uffiċjal tal-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA), li qal li dan qed isir biex l-istandards fis-settur tal-kostruzzjoni qed jiżdiedu u li dan se jwassal għal aktar serjetà.
Qal, “Fuq kull lant tax-xogħol f’kull fażi tal-proġett ta’ kostruzzjoni jrid ikun hemm persuna kkwalifikata li taf kif għandhom jimxu l-affarijiet skont is-sengħa.”
Ma’ Bartolo tkellimna dwar il-kriterji li wieħed għandu jkollu meta japplika għal din il-liċenzja, li se tiftaħ minn nhar it-Tnejn sal-aħħar ta’ Ottubru li ġej.
Bartolo semma li fl-applikazzjoni wieħed għandu jitfa’ l-kondotta u ċ-ċertifikati meħtieġa, fost oħrajn.
Minbarra hekk, il-kuntratturi mitluba jassiguraw li kull xogħol li jagħmlu jkun kopert b’polza tal-assigurazzjoni valida li tagħmel tajjeb għal kull telf jew ħsara li persuna tista’ ġġarrab riżultat ta’ xi att jew ommissjoni min-naħa tal-kuntrattur liċenzjat jew ħaddiema li jaħdmu taħt id-direzzjoni tiegħu waqt ix-xogħlijiet, kif ukoll għad-danni fuq il-post tax-xogħol, inkluż ħsara fuq xi impjegat jista’ jsofri.
Qal, “Fl-applikazzjoni hemm numru ta’ kriterji li wieħed irid idaħħal, bħall-età tiegħu, l-esperjenza li l-kuntrattur u n-nies li jaħdmu miegħu għandhom u affarijiet oħrajn ta’ natura finanzjarja, il-kondotta, iridu jiġu sottomessi lill-awtorità biex imbagħad se jkollna kumitat maħtur apposta minn esperti li jevalwa dawn l-applikazzjonijiet u jagħti inizjalment approvazzjoni proviżjoni biex wieħed ikun jista’ jopera.”
Dan il-Kumitat tal-Liċenzjar tal-BCA se jkun magħmul minn ħames persuni, bi tnejn minnhom iridu jkunu perit u inġinier u jrid ikollhom għaxar snin esperjenza.
L-awtorità tista’ tikkunsidra wkoll li kwalunkwe kontravenzjoni li ssir minn kuntrattur, li l-applikazzjoni tiegħu tkun għadha qed tiġi evalwata mill-kumitat tal-liċenzjar, tista’ twassal biex l-applikazzjoni tiegħu tiġi rrifjutat u b’hekk l-applikant ma jkunx jista’ jkompli jaħdem.
Min-naħa l-oħra, kuntratturi li jkunu kisbu l-liċenzja u jwettqu xi kontravenzjoni jista’ jkollhom il-liċenzja tagħhom sospiża jew irtirata.
Dan l-avviż legali jistabblixxi wkoll skeda ta’ penali li jistgħu jeħlu kuntratturi li qed jaħdmu bla liċenzja jew b’liċenzja sospiża jew bi ksur tal-kundizzjonijiet tal-liċenzja. Dawn jistgħu jvarjaw minn pieni ta’ ħabs ta’ mhux aktar minn sitt xhur, għal multi li jistgħu jlaħħqu l-€50,000 u multi oħrajn sa massimu ta’ €5,000 kuljum.
Deċiżjonijiet tal-awtorità dwar revoka jew sospensjoni ta’ liċenzja se tkun tista’ tiġi appellata quddiem Tribunal imwaqqaf skont l-Att.
Qal, “Aħna bħala awtorità xtaqna li nirresponsabilizzaw il-kuntratturi u fl-istess ħin ngħollu wkoll il-kwalità u l-istandards li hemm fis-settur tal-bini u l-kostruzzjoni.”
Wieħed jista’ japplika għal-liċenzja minn nhar it-Tnejn li ġej fuq is-sit tal-BCA.