Ajruplan żgħir tal-għamla Cessna 208 baqa’ dieħel f’hangar u qatel ħames persuni, inkluż il-bdot, waqt maltemp f’mitjar żgħir qrib il-kapitali tal-Polonja, Varsavja.
Minbarra l-ħamsa maqtula, kien hemm tmien persuni oħrajn li ndarbu. Fil-ħin tal-impatt, kien hemm 13-il persuna fil-hangar jistkennu mit-temp.
Ħaddiema tas-salvataġġ qalu li salvaw tliet persuni, li kienu abbord l-ajruplan, waqt li fuq il-post issejħu erba’ ħelikopters u għaxar ambulanzi biex jassistu.
L-investigazzjonijiet tal-awtoritajiet għadhom għaddejjin, bl-ewwel indikazzjonijiet huma li l-inċident seħħ minħabba l-maltemp.