Fl-Imdina, bdew xogħlijiet ta’ restawr fuq il-Mina tal-Griegi u l-fortifikazzjonijiet medjevali biswit tagħha fi proġett ta’ riġenerazzjoni.
Ix-xogħlijiet diġà bdew fuq il-fortifikazzjoni, li hi fost l-eqdem fl-Imdina u tmur lura għal żmien il-Medju Evu. Fil-fatt din hi l-uniku parti viżibbli minħabba li l-partijiet l-oħrajn huma moħbijin bid-djar. Minbarra hekk, partijiet min-naħa t’isfel tal-fortifikazzjoni saħansitra jmorru lura għal Żmien ir-Rumani.
Il-Perit Maria Roberta Mallia mid-Diviżjoni tar-Restawr u l-Preservazzjoni spjegat ix-xogħlijiet li mistennija li jsiru u jiġu konklużi sal-aħħar ta’ Novembru li ġej.
Qalet, “Ħa jitnaddaf, imbagħad ħa jissewwa fejn hemm it-tikħil li ntilef, però se jinżamm bl-istess metodu kif kien oriġinarjament u ħa jsiru t-tiswijiet ta’ ġebel. Fuq in-naħa ta’ quddiem fejn hemm il-bieb tal-Griegi ħa jsir l-istess. Ħa jitnaddaf u ħa jerġa’ jsir it-tikħil u fejn hemm il-ġebel, li hu pjuttost deterjorat u fejn hemm delamination, partijiet mill-ġebla qed jinqalgħu. Dawn se jissewwew bir-restawr.”
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, innota l-istorja rikka ta’ dan il-ħajt u rringrazzja lill-ħaddiema li qegħdin jagħmlu dan ix-xogħol possibbli.
Qal, “Kemm timlina bi kburija din l-istorja kbira li għandna f’pajjiżna. Qed nieħdu ħsieb dan il-ħajt u dan il-bieb bis-saħħa tal-ħaddiema bravi tad-Diviżjoni tar-Restawr li qed jagħmlu x-xogħol ta’ restawr fuq dan is-sit storiku tant importanti.”