Ġie ppubblikat l-Avviż Legali li, għall-ewwel darba, se jintroduċi f’pajjiżna l-liċenzjar tal-kuntratturi tal-kostruzzjoni.
Il-liġi l-ġdida għandha l-għan li tobbliga lil kull kuntrattur li jaħdem fl-oqsma tat-twaqqigħ, skavar u bini biex japplikaw għal liċenzja mal-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni, il-BCA.
L-avviż legali ddaħħal fis-seħħ wara li, nhar il-Ġimgħa li għadda, il-Kummissjoni Ewropea approvat din il-liċenzja u wara konsultazzjoni wiesgħa mal-kuntratturi fi proċess li beda kmieni s-sena l-oħra.
L-applikazzjonijiet għal-liċenzji issa se jiftħu t-Tnejn li ġej, 24 ta’ Lulju, u jridu jsiru online fuq is-sit tal-awtorità. Dawn jibqgħu miftuħin sal-aħħar ta’ Ottubru u, wara dak il-perjodu, min jonqos li japplika ma jkunx jista’ jibqa’ jaħdem bħala kuntrattur.
Min japplika wara l-ewwel ta’ Novembru li ġej irid jistenna l-Kumitat tal-Liċenzjar fi ħdan il-BCA biex joħroġlu approvazzjoni proviżjorja tal-applikazzjoni sakemm eventwalment tinħareġ il-liċenzja b’mod sħiħ.
Il-Kumitat se jkun obbligat li joħroġ din l-approvazzjoni proviżorja fi żmien sittin jum mid-data tal-applikazzjoni.
Il-liċenzja finali se tibqa’ valida għal sentejn u wara trid terġa’ tiġġedded.
ONE News tkellem mal-Ministru għall-Ippjanar Stefan Zrinzo Azzopardi, li qal li din ir-riforma hi meħtieġa u hi maħsuba biex ikun hemm aktar responsabbiltà u serjetà fis-settur tal-kostruzzjoni.
“Din hi riforma li se tkun qed tidħol f’fażijiet differenti, però hi riforma importanti ferm, għax għall-ewwel darba se jkollna qafas regolatorju aktar b’saħħtu, li jispjega aħjar ir-responsabbiltajiet, l-obbligi, kif ukoll il-kwalitajiet li persuna u kumpaniji jrid ikollha biex tkun tista’ twettaq ix-xogħol.”
Il-Ministru Zrinzo Azzopardi kkummenta wkoll dwar l-importanza tal-avviż legali li ddaħħal.
“L-avviż legali li qed jitħabbar qed jagħti l-qafas legali biex issir din ir-riforma mingħajr ebda preċedent, riforma maħsuba għal aktar serjetà, għal aktar responsabbiltà u kwalità ogħla kif jaħdem is-settur tal-kostruzzjoni.”