“L-ewwel nett nixtieq nirringrazzja lill-Prim Ministru. Il-Prim Ministru sema’ l-polz tal-poplu, u tal-familja tagħna.”
Kien b’dan il-kliem li Isabelle Bonnici, omm Jean Paul Sofia, irringrazzjat lill-Prim Ministru Robert Abela għad-deċiżjoni li tissejjaħ inkjesta separata, skont l-Att tal-Inkjesti, wara d-dewmien tal-Maġistrat Marsanne Farrugia biex tagħlaq l-inkjesta maġisterjali tagħha wara seba’ xhur.
Hi bagħtet dan il-messaġġ quddiem il-Berġa ta’ Kastilja fil-Belt waqt il-velja favur ġustizzja fil-każ taż-żagħżugħ ta’ 20 sena ftit ħin wara l-konferenza tal-aħbarijiet mill-Prim Ministru.
Il-Prim Ministru lbieraħ reġa’ enfasizza kif ma kienx aċċettabli għalih li l-Maġistrata ttawwal b’mod sproporzjonat il-proċess, avolja din għandha għad-dispożizzjoni tagħha l-għodda kollha neċessarja biex tagħmel dan fi żmien adegwat.
Fil-fatt l-inkjesta maġisterjali kellha tingħalaq fi żmien stabbilit sa Frar li għadda. Minkejja dan, aktar kmieni lbieraħ stess, il-Maġistrat talbet għal estensjoni oħra ta’ 30 ġurnata.
Dan fl-istess ħin li ġie żvelat ukoll kif, wara seba’ xhur, il-Maġistrat kienet għadha lanqas sejħet darba għall-qraba ta’ Jean Paul Sofia.
Il-Prim Ministru kiteb formalment lill-Prim Imħallef f’April li għadda u mill-ġdid il-ġimgħa li għadda biex din l-inkjesta tingħalaq bla aktar dewmien żejjed.
Fil-velja tat-Tnejn filgħaxija, kull min attenda ġarr xemgħa bħala sinjal ta’ tama għall-ġustizzja sħiħa. Jean Paul Sofia li tilef ħajtu traġikament nhar it-3 ta’ Diċembru li għadda fil-Qasam Industrijali ta’ Kordin.