Bi tmien voti kontra wieħed, Michael Emmanuel ta’ tlieta u tletin sena mill-Kosta tal-Avorju, instab ħati li qatel lis-sieħba tiegħu, Maria Lourdes Agius.
Dan hekk kif aktar kmieni llum, il-ġurati daħlu jiddeliberaw il-verdett tagħhom fil-ġuri li għaddej fil-konfront ta’ Michael Emmanuel, li qed jiġi akkużat li qatel lis-sieħba tiegħu f’Settembru tal-elfejn u tmintax, fid-dar li kienu jgħixu fiha f’Raħal Ġdid.
Il-ġurati daħlu jiddeliberaw aktar kmieni waranofsinhar, wara li l-Imħallef Aaron Bugeja kkonkluda l-indirizz tiegħu.
Maria Lourdes Agius kellha ħamsa u tletin sena, meta nstabet mejta fil-kamra tas-sodda.
L-awtopsja kienet ikkonkludiet li l-omm ta’ sebat itfal mietet fgata.
Il-verdett tal-ġurati ngħata għall-ħabta tal-ħamsa u nofs ta’ waranofsinhar, u s-sentenza mistennija tingħata aktar tard illum.