22 tabib u tabiba ggradwaw fit-tieni ċerimonja ta’ gradwazzjoni li qatt saret fl-iskola medika f’Għawdex, immexxija mill-Queen Mary University of London.
Għaċ-ċerimonja, li saret fiċ-Ċittadella t’Għawdex, attendew fost l-oħrajn il-President ta’ Malta George Vella, il-Ministru għall-Edukazzjoni Clifton Grima u l-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri.
F’kumment li għadda għaċ-ċerimonja, il-Prim Ministru Robert Abela qal kif il-Gvern għadu kommess li jkompli jippromwovu u jinkoraġġixxi ambjent ta’ eċċellenza u innovazzjoni. Hu nnota kif din il-gradwazzjoni tkompli tixhed kemm huma b’saħħithom l-oqsma tal-edukazzjoni u s-saħħa f’pajjiżna.
Fi stqarrija, il-Queen Mary University qalet kif din hi s-sitt sena minn mindu bdiet toffri il-programm edukattiv f’pajjiżna u attwalment hemm 250 student minn 50 pajjiż differenti li qed isegwu l-kors tagħha.
L-iskola medika hi l-ewwel tat-tip tagħha li qatt ra pajjiżna u tinsab biswit l-Isptar Ġenerali t’Għawdex. Is-sena l-oħra, fl-ewwel gradwazzjoni tagħha, l-iskola medika rat 19-il student jilħqu tobba.