L-40 atleta Għawdxin li ħadu sehem f’sitt dixxiplini differenti għall-ewwel darba fil-Logħob tal-Gżejjer f’Guernsey, waslu lura Għawdex. F’dan id-debutt, il-kontinġent Għawdxi rnexxielu jikkompeti b’suċċess u jirbaħ erba’ midalji. Kienet l-atleta Lara Calleja li rebħet l-ewwel midalja tal-fidda fl-isparar u aktar ’il quddiem matul il-ġimgħa rebħet oħra tal-bronż, Marlon Attard rebaħ id-deheb fl-isparar ukoll filwaqt li David Borg rebaħ midalja tal-fidda fit-tellieqa tal-5,000m fl-atletika.
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal li din l-ewwel esperjenza fil-Logħob Internazzjonali tal-Gżejjer żgur li laħqet l-aspettattivi tagħha. Qal ukoll li, “Ir-riżultat miksub mill-atleti kollha li kkwalifikaw biex jirrappreżentaw lil Għawdex f’dawn il-logħob jimliena b’sodisfazzjon, imma aktar minn hekk, jimliena b’kuraġġ biex inħarsu ’l quddiem lejn aktar kompetizzjonijiet simili”.
Huwa fakkar li f’Għawdex qed isir investiment kapitali kbir fil-bini taċ-Ċentru Akkwatiku u Sportiv kif ukoll hemm pjanijiet li dan l-investiment jitkompla kemm fuq proġetti sportivi oħra kif ukoll permezz ta’ għajnuna biex l-atleti jitħejjew għal kompetizzjonijiet oħra fil-futur.
Il-Ministru Clint Camilleri rringrazzja lill-atleti li ħadu sehem f’dawn il-logħob, lill-uffiċjali u lil dawk involuti, filwaqt li ħeġġeġ aktar atleti Għawdxin jitħarrġu u jippreparaw ruħhom biex fil-futur huma wkoll ikollhom iċ-ċans li jirrappreżentaw lil Għawdex f’logħob internazzjonali.