Raġel ta’ sebgħa u għoxrin sena li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti, baqa’ jinżamm arrestat wara li ġie mixli b’akkużi ta’ vjolenza domestika fuq it-tfajla li qed iġġorr it-tarbija tiegħu u ommha.
Ir-raġel tressaq il-Qorti wara li jumejn ilu, sar rapport għand l-iskwadra ta’ kontra l-Vjolenza Domestika tal-Pulizija fuq theddid u biża’ mill-vittma, tfajla ta’ ħmistax-il sena li għandha sitt xhur tqala, u ommha.
Jirriżulta li t-tfajla kienet qed tirċievi messaġġi ta’ theddid mingħand terza persuna fuq Facebook – raġel ta’ wieħed u sittin sena, li jirriżulta li huwa ħabib tal-imputat u jkun miegħu matul il-jum.
Fil-messaġġi kien hemm miktub li jekk tmiss ma’ raġel ieħor, iqatta’ lilha u lil familtha, jaħraqilhom il-karozza, u jaħraq il-karozza b’ommha fiha.
Wara li ġew ikkonfermati dawn il-messaġġi, il-Pulizija tkellmet mat-terza persuna, li qal li sellef il-mobile tiegħu biex l-akkużat ikun jista’ jibgħat lit-tfajla.
Viżibbilment aġitat fl-awla, l-imputat wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih u saret talba għall-ħelsien mill-arrest.
Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat minħabba n-natura gravi tar-reat u l-karattru tal-imputat, li diġà tressaq darb’oħra fuq akkużi ta’ vjolenza domestika fuq l-allegata vittma u ommha, u diġà ngħata ċans u nħarġet ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tal-vittma biex sakemm jinqata’ l-każ, tħossha protetta.
Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest minħabba li l-allegat reat sar wara li ftit tal-ġimgħat ilu, l-imputat ingħata l-benefiċċju tad-dubju u nħarġet anki ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tal-istess vittma meta kienet diġà tqila.
Il-Maġistrat Charmaine Galea rrakkomandat lid-Direttur tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin biex fejn jista’, jagħti l-assistenza tiegħu lill-imputat.