Darren Grech ta’ erbgħa u tletin sena mill-Gżira, baqa’ jinżamm arrestat wara li jumejn ilu, allegatament saq għal fuq żewġ persuni u darabhom gravi.
Il-Maġistrat spjegat lill-imputat li l-akkużi li qed jaffaċċja, jistgħu jwassluh sa seba’ snin priġunerija, u r-raġel wieġeb mhux ħati.
Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Eman Hayman spjegat li l-każ seħħ fi Triq ix-Xatt fil-Gżira, meta daħal rapport ta’ storbju, għajjat u demm mal-art quddiem ristorant.
Irriżulta li kien hemm karozza sewda, li issa qiegħda għand il-Pulizija, li kienet qed tinstaq waqt li fuq bankina kien hemm żewġ individwi li x-xufier kien qed jargumenta magħhom ftit qabel.
Ħin minnhom, il-karozza nstaqet b’lura u saqet fi Triq ix-Xatt fid-direzzjoni bil-kontra tat-traffiku.
In-nies li kienu fit-triq indikaw li wieħed mill-vittmi ntlaqat minn din il-karozza u daħal ġo ristorant biex jistaħba. Minn hemm ġew elevati filmati mill-kameras tas-sigurtà fejn dehret il-karozza tagħmel tentattiv biex tweġġa’ lill-individwu.
It-tieni vittma kellu argument mal-imputat li oriġinarjament, seħħ ġo każin.
L-Ispettur irrimarka li l-argument ma waqafx hemm u ma kienx fis-saħna tal-mument, għaliex kompla minn fejn seħħ il-każ oriġinarjament għax-xatt tal-Gżira.
Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest minħabba n-natura serja tal-akkużi u sakemm jixhdu l-vittmi prinċipali f’dan il-każ.