Raġel ta’ 39 sena residenti San Pawl il-Baħar ġie arrestat mill-Pulizija wara li allegatament seraq vettura li kienet ipparkjata.
Nhar is-Sibt, għal xi t-tlieta ta’ waranofsinhar, il-Pulizija kienet infurmata li fi Triq Geramino Abos, l-Iklin, kienet għadha kemm insterqet Renault Megane. Il-Pulizija marret minnufih fuq il-post u b’deskrizzjoni tal-persuna involuta f’idejhom, immedjatament bdiet bit-tfittxijiet għall-allegat ħalliel.
Dawn it-tfittxijiet ħallew il-frott, hekk kif il-Pulizija rnexxielhom isibu l-vettura misruqa fi Triq it-Tiġrija, il-Marsa. Saret tfittxija fl-akwati u ftit ħin biss wara ġie arrestat r-raġel li kien jaqbel mad-deskrizzjoni li ngħatat lill-Pulizija.
Minn tfittxija li saret fuqu nstabu xi oġġetti li kienu fil-vettura misruqa, kif ukoll turnavit u oġġetti relatati mal-abbuż mid-droga kokaina.
Minn aktar tfittxijiet li saru, fil-pussess tiegħu nstabu wkoll ċavetta ta’ Kymco fejn fl-istess post fi Triq it-Tiġrija ġie nnutat mutur ta’ din l-għamla. Meta l-Pulizja qabblu ċ-ċavetta, il-mutur startja fejn minn investigazzjoni li saret irriżulta li l-mutur kien insteraq il-ġimgħa l-oħra minn Triq in-Naxxar, Birkirkara.
Ir-raġel qiegħed jinżamm arrestat fil-lockup tal-Pulizija fil-Kwartieri Ġenerali, il-Floriana u mistenni jitressaq l-Qorti llum, għall-ħabta tal-ħdax u nofs ta’ filgħodu, quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Dr Charmaine Galea