Madwar id-dinja komplew jippersistu sħanat qawwija li f’ċertu istanzi saħansitra qegħdin ikunu kaġun ta’ nirien qawwija.
Primarjament fl-Ewropa sħana qawwija qed taffettwa n-nofsinhar tal-Ewropa, b’mod partikolari fl-Italja, Spanja u l-Greċja.
Fil-fatt, fl-Italja, fejn is-sħana mistennija li tkompli tintensifika fil-ġranet li ġejjin, il-Ministeru għas-Saħħa ħareġ twissija fil-konfront ta’ sittax-il belt fosthom, Ruma, Bologna u Firenze.
Din il-mewġa tas-sħana mistennija li fl-Italja, twassal biex ikunu reġistrati temperaturi li jlaħħqu t-tmienja u erbgħin grad celcius f’Sardinja fost l-oħrajn.
Minkejja dawn it-temperaturi, l-ogħa temperatura reġistrata fl-Ewropa tibqa’ dik ta’ tmienja u erbgħin punt tmien gradi celsuis fi Sqallija f’Awwissu 2021.
Intant, fi Spanja b’mod partikolari fil-Gżejjer Kanari, l-istess kundizzjonijiet klimatiċi qegħdin iwasslu biex żviluppaw nirien qawwija.
Fil-fatt, mal-erbat’elef u mitejn persuna ġew evakwati minħabba nirien qawwija li ħakmu l-gżira ta’ La Palma.
Dan f’tentattiv li s-sitwazzjoni terġa’ tmur lura taħt kontroll b’madwar erba’ mitt persuna minn aġenziji varji jinsabu fuq il-post.
S’issa n-nirien ħakmu mal-ħamsa u erbgħin kilometru kwadru ta’ art inkluż xi djar residenzjali.
Fl-Ewropa, l-istess jista’ jingħad għal pajjiżi oħra bħal Greċja u t-Turkija li wkoll qegħdin ikunu suġġetti għal din is-sħana qawwija.
Intant, fi żviluppi fil-Korea ta’ Isfel, sebgħa u tletin persuna mietu kawża ta’ għargħar, tiġrif ta’ artijiet u qtugħ ta’ dawk madwar il-pajjiż.
Dan wassal biex fost l-oħrajn partijiet sostanzjali tal-belt ta’ Cheongiu għerqu kawża ta’ din ix-xita qawwija.
Xjentisti qalu li din l-istanza wkoll tista’ tkun attribwita bħala sinjal li l-atmosfera qed tisħon effett tat-tibdil fil-klima.