Deborah Bonello li hija ġurnalista u awtriċi Maltiji bbażata fl-Amerika Latina ppubblikat ktieb dwar in-nisa li jittraffikaw id-droga.
Fil-ktieb tagħha intitolat; ‘Narcas: The Secret Rise of Women in Latin America’s Cartels’ Bonello tinnota kif l-istorja dwar in-nisa nvoluti fit-traffikar tad-droga tittieħed bi preġudizzju. Dan għax in-nisa normalment huma maħsuba li jkunu vittmi.
Minkejja din il-perċezzjoni, fil-ktieb tagħha turi realtà differenti hekk kif dawn in-nisa huma involuti b’mod attiv f’dawn l-attivitajiet illegali.
Fil-fatt fil-ktieb tagħha, Bonello ippubblikat stejjer li qatt ma ġew ippubblikati qabel b’differenza għal stejjer dwar irġiel li wkoll jipparteċipaw f’tali attivitajiet fl-Amerka Latina.
Il-pubblikazzjoni tal-ktieb ‘Narcas’ ġiet innutata mis-sit awtorevoli ‘The Economist’ li ta elenku ta’ dak li Bonello investigat u kitbet dwaru. Fost l-istejjer li tirrkonta hemm ta’ Digna Valle mill-Honduras, li ħadmet ukoll għal Joaquìn Guzmán magħruf aħjar bħala ‘El Chapo’.
Titkellem ukoll dwar il-Lesmus sisters, li kienu bbażati fil-Guatemala u kienu nvoluti wkoll f’atti vjolenti, kif ukoll diversi nisa oħra bbażati fil-Messiku stess.
Fost l-oħrajn fil-ktieb tagħha, Bonello saħansitra tissuġerixxi li n-nisa qegħdin jakkumulaw aktar poter fi ħdan organizzazzjonijiet kriminali f’din il-parti tad-dinja.
L-għan aħħari tal-ktieb huwa li jitfa’ dawl fuq din il-parti tal-organizzazzjonijiet kriminali iżda jixhed kemm għad fadal riċerka xi ssir dwar dan kollu.