L-iskwadra tal-Ispecial Intervention Unit, l-SIU, ġie ppremjat bħala t-tim tas-sena waqt iċ-ċerimonja tal-għoti ta’ ċertifikati u premjijiet lill-membri tal-Korp li ddistingwew ruħhom b’għemilhom waqt il-qadi ta’ dmirijiethom matul is-sena li għaddiet.
Huma ġew ippremjati għall-professjonalità u d-dedikazzjoni li wrew, u waqt li l-uffiċjali ta’ din l-iskwadra jtejbu l-immaġni tal-pulizija mal-pubbliku, huma dejjem assistew lil taqsimiet oħra meta jitolbu forma ta’ sigurtà.
Preżenti għal din iċ-ċerimonja kien hemm il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri u l-Kummissarju tal-Pulizija, Angelo Gafà hekk kif ġew ippreżentati numru ta’ rikonoxximenti oħrajn lil uffiċjali fi ħdan il-Korp tal-Pulizija.
Il-Ministru Camilleri qal li dawn ir-rikkonoxximenti huma turija li l-Korp tal-Pulizija mhux xi entità maqtugħa għalija, iżda hija integrali fis-soċjeta.
Il-Kummissarju tal-Pulizija rringrazzja lill-membri kollha tal-Korp tax-xogħol kollu li jagħmlu u fakkar fl-istħarriġ ippubblikat dan l-aħħar li fih 90 fil-mija tal-Maltin qalu li għandhom fiduċja fil-Korp tal-Pulizija.