Mal-4,200 persuna ġew evakwati fil-Ġżejjer Kanari minħabba nirien kbar li ħakmu l-gżira ta’ La Palma.
Dan f’tentattiv li s-sitwazzjoni terġa’ tmur lura taħt kontroll b’madwar 400 persuna minn aġenziji varji jinsabu fuq il-post.
In-nirien bdew ilbieraħ filgħodu u ħakem mal-45 kilometru kwadru ta’ art inkluż xi djar residenzjali.
Dawn in-nirien ħakmu La Palma inqas minn sentejn wara li vulkan żbroffa u qered eluf ta’ djar.
Il-President tal-gvern reġjonali tal-Gżejjer Kanari stqarr kif il-ħaddiema tas-salvataġġ qegħdin isibu reżistenza mir-residenti sabiex jevakwaw irwieħom. Dan filwaqt li attribwixxa n-nirien għall-kundizzjonijiet klimatiċi preżenti fil-gżejjer, fosthom ir-riħ u l-mewġa ta’ sħana li qed tikkaraterizza t-temp madwar n-nofisnhar tal-Ewropa kollha.
Il-President Spanjol, Pedro Sánchez qal li l-awtoritajiet ta’ La Palma għandhom ir-riżorsi kollha disponibbli għalihom biex jilqgħu għal dawn in-nirien.