Il-fatt li l-Gvern bħalissa qed jiddiskuti u jħares lejn il-possibilità li jinvesti fi proġetti sostenibbli mili ’l bogħod mill-kosta Maltija, dik imsejħa bħala ż-Żona Ekonomika Esklussiva, ġabet reazzjonijiet pożittivi ta’ bosta, inkluż dawk esperti fil-qasam tal-akwakultura.
Din il-ġimgħa fil-Parlament, waqt l-istadju tat-Tieni Qari, ġie diskuss l-Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar iż-Żona Ekonomika Esklussiva u Liġijiet Varji, fejn fost l-oħrajn tkellem il-Prim Ministru Robert Abela li wassal il-viżjoni ta’ pajjiżna favur aktar ġid għall-poplu Malti u Għawdxi fi sfond ta’ tkabbir ekonomiku sostenibbli.
Fost l-oħrajn, il-Gvern qed iħares lejn il-possibbiltà ta’ żieda fil-fishfarms f’dawn iż-żoni ’l bogħod mill-kosta Maltija, magħrufin bħala offshore fishfarms.
Dwar dan, ONE News tkellem mal-Konsulent tal-Akwakultura Dr Robert Vassallo Agius, li spjega kif wieħed mill-benefiċċji ewlenin tagħhom huwa li jwasslu biex jonqos jew ma jkun hemm l-ebda tniġġiż minnhom.
Vassallo Agius qal, “Peress li jkunu trabbew ġo mafqas, dawn jintemgħu bl-ikel manifatturat jiġifieri mhux għalf ta’ ħut friżat jew frisk, ikollhom tip ta’ ikel effiċjenti u li jniggeż anqas. Fil-fatt it-tniġġis hemm barra bażikament se jkun żero għax dan, it-tniġġis tal-fishfarms x’inhu? Joħroġ ikel u waste products minn ġol gaġġa u peress li jkun f’baħar fond ħafna fl-offshore ħafna mili ‘l barra mill-kosta, il-waste jinfirex minħabba l-kurrenti u dan ma jikkawżax ħsara fl-ambjent.
Ta’ min isemmi kif fl-aħħar snin il-Gvern investa wkoll biex il-fishfarms fil-kosta Maltija jkollhom impatt minimu fuq l-ambjent.
Minbarra dan, permezz ta’ offshore fishfarms tiżdied b’mod qawwi wkoll il-produzzjoni tal-ħut, iżda b’mod sostenibbli.
Hu spjega, “Jekk aħna nkabbru skont kemm ikollna area available aħna nistgħu nirduppjaw jew nitripplaw il-produzzjoni li għandna f’Malta bħalissa. Meta nipproduċu fl-akwakultura barra minn xtutna nkunu qed nipproduċu closed cycle species jiġifieri ħut li mhux inqabad mis-selvaġġ iżda nfaqssuhom fil-mafqas, li jfisser li jkollna ħut sostenibbli għax ma nagħmlux impatt negattiv fuq is-selvaġġ.”
Dr Vassallo Agius spjega kif dan iwassal biex Malta tkun tista’ tipproduċi ħut bħalma hu l-aċċoll, id-denċi, iżjed spnott u awrat u b’hekk jiġu pprovduti aktar ħut, imma mhux impurtati.
Hu qal, “Inkunu nistgħu wkoll nipprovdu iżjed ħut kemm għas-suq ta’ Malta kif ukoll swieq barranin. Meta nsemmi dak ta’ Malta, nistgħu eżempju jkollna iżjed speċi prodotti Malta u anke nnaqqsu l-importazzjoni ta’ ħut għal Malta u jkollna availability ta’ ħut għal Malta wkoll.”
Robert Vassallo Agius saħaq li din il-viżjoni mistennija tħalli impatt pożittiv fuq l-impjiegi, hekk kif jekk illum il-ġurnata hemm ħames mitt ħaddiem jaħdmu f’dan il-qasam, b’dawn il-proġetti jiżdiedu bid-doppju jew anke t-tripplu.
Fil-Parlament meta kien qed jiġi diskuss is-suġġett, is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-qasam tal-Akwakultura Alicia Bugeja Said b’mod ċar semmiet kif dan il-qasam, jekk inkomplu ninvestu fih, se jħalli miljuni ta’ flus fl-ekonomija Maltija.
Bugeja Said qalet, “Il-produzzjoni mill-industrija tal-Akwakultura fl-aħħar snin kellha valur totali ta’ madwar mitejn u ħamsa u għoxrin miljun ewro. Dan jikkontribwixxi għal aktar minn 1.3 tal-GDP u kif ukoll jimpjega mijiet ta’ ħaddiema. Allura iva meta tara dawn il-figuri tagħmel kuraġġ u tgħid li s-settur għandu potenzjal tajjeb sabiex ikompli jiffjorixxi.”