Il-kelliem għas-Soċjalisti u d-Demokratiċi fil-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, il-MPE Alex Agius Saliba, jilqa’ l-vot tal-Parlament Ewropew dwar ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali.
Id-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali għandha l-għan li tnaqqas l-emissjonijiet ta’ sustanzi li jwasslu għal problemi ta’ saħħa, inkluż il-kanċer, li jikkawżaw eluf ta’ mwiet madwar l-Unjoni Ewropea. Permezz ta’ din id-Direttiva, l-attivitajiet industrijali jridu jiksbu permess operattiv li jindika l-miżuri ta’ mitigazzjoni li għandhom jadottaw biex inaqqsu l-emissjonijiet.
Ir-reviżjoni adottata mill-Parlament Ewropew se ssaħħaħ id-Direttiva preċedenti biex tkompli tnaqqas l-emissjoni ta’ sustanzi ta’ ħsara fl-arja, fil-ħamrija, u fl-ilma madwar l-Unjoni Ewropea. L-implimentazzjoni tad-Direttiva se tkun imtejba wkoll, kif se jkunu mtejba wkoll ir-regoli li japplikaw meta jseħħ ksur.
Membri tal-pubbliku li saħħithom hija affettwata ħażin mill-ksur tad-direttivi issa jistgħu jiksbu kumpens.
Id-Direttiva tfittex li tappoġġa setturi li jippromwovu l-iżvilupp ta’ ekonomija aktar nadifa u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju. Il-MPE Agius Saliba jilqa’ b’mod partikolari l-ħolqien ta’ Ċentru ta’ Innovazzjoni għat-trasformazzjoni industrijali u l-emissjonijiet li se jiġbor u janalizza informazzjoni dwar tekniki innovattivi.
Id-Direttiva riveduta proposta tfittex ukoll li tiddemokratizza l-ġlieda kontra l-emissjonijiet. It-trasparenza mtejba tad-data u l-aċċess għat-tagħrif ambjentali se jipprovdu aktar opportunitajiet għall-iskrutinju pubbliku tal-proċess tal-permessi.
Il-MPE Agius Saliba jinsab sodisfatt li ġiet emendata l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea sabiex jiżguraw li d-Direttiva ma jkollhiex impatt negattiv fuq irziezet żgħar, kif tipikament jinstab f’pajjiż żgħir bħal Malta.
“Fl-opinjoni tiegħi, l-agrikoltura m’għandhiex tkun fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ direttiva għal attivitajiet industrijali bħar-raffineriji, it-trattament tal-iskart u l-inċinerazzjoni. Bl-esklużjoni tat-trobbija tal-baqar u tal-irziezet żgħar tal-ħnieżer u tat-tjur, id-Direttiva riveduta se tilħaq l-għanijiet maħsuba tagħha li tnaqqas l-emissjonijiet filwaqt li tissalvagwardja l-operazzjonijiet u l-għajxien tal-bdiewa lokali tagħna”, temm jgħid Agius Saliba.