“Meta qed ninsistu li għandha tkun inkjesta maġisterjali, li twassal biex issir ġustizzja, dik hi r-responsabbiltà li hi rikjesta minnha, għax hi dik l-inkjesta li ħa twassalna biex persuni jiffaċċjaw il-ġustizzja. L-ebda inkjesta oħra, ma jwasslu biex persuni jiffaċċjaw il-ġustizzja fil-Qrati. Huwa għalhekk l-insistenza tagħna.”
Kien dan il-messaġġ tal-Ministru għall-Ġustizzja,, Jonathan Attard waqt li kien qed jiġi intervistat fil-programm ‘Pjazza’ fuq ONE.
Dan hekk kif kien qed jiġi diskuss il-każ li involva l-mewt ta’ Jean Paul Sofia.
Fil-fatt, il-Ministru Attard tenna kif hi inkjesta maġisterjali li twassal biex il-persuni responsabbli jiffaċċjaw il-ġustizzja.
Huwa rrimarka wkoll kif, jekk tinħatar inkjesta pubblika, ħadd ma jista’ jagħti s-serħan il-moħħ li aktar ’il quddiem din ma tippreġudikax il-perkors tal-ġustizzja b’rabta ma’ dan il-każ.
“X’garanzija se jagħtuna li dik l-inkjesta pubblika, kif issuġġerita mill-Oppożizzjoni televised jew fuq l-internet, fuq it-televixin, jew inkella pubblika, għax tkun irrapportata mhux se tippreġudika l-perkors tal-ġustizzja. Li mhux se tintuża minn dawk li jridu jiffaċċjaw il-ġustizzja biex jevitaw il-ġustizzja ħabba preġudizzju, ħabba possibiltà ta’ ksur fundamentali tagħhom, ħabba r-right of fair hearing. Ħa ngħidlek dawn mhux xi kunċetti ġodda fl-istorja ta’ pajjiżna.”
Il-Ministru Jonathan Attard
Attard spjega wkoll x’tinvolvi inkjesta maġisterjali.
“Inkjesta Maġisterjali x’inhuwa? Huwa proċess ta’ stħarriġ ġudizzjarju u dak li qed jagħmel il-Maġistrat fiċ-ċirkostanzi, li qed jaħtar esperti u li qed jagħmel ukoll jara min għandu jixhed fl-inkjesta biex propju jirreserva x-xhieda, l-evidenza u għandu segħtat wkoll fil-liġi li jħarrek, jarresta persuni biex ikunu jistgħu jikkoperaw miegħu fl-istess inkjesta u għaldaqstant għandu l-mezzi kollha li tatih il-liġi li jappunta fid-deskrizzjoni tiegħu l-esperti li jrid.”
Il-Ministru Jonathan Attard
Irrimarka wkoll kif, fost oħrajn, inkjesta pubblika taħdem fost il-paramentri tat-termini ta’ referenza. Dan b’differenza għal inkjesta maġisterjali li tistħarreġ b’mod iktar wiesgħa.
“Hawnhekk kif diġà spjegat, inkjesta bil-Maġistrat m’għandha l-ebda limitu ta’ fejn għandha tistħarreġ il-Maġistrat inkwerenti, mhemm l-ebda limitu. Jiġifieri mhemm l-ebda termini ta’ referenza li, b’xi mod jew ieħor, jipprekluduha milli tistħarreġ anke sitwazzjonijiet li jwasslu għal deċiżjonijiet amministrattivi, għal deċiżjonijiet ta’ policies. Min-naħa l-oħra, f’inkjesta pubblika hemm termini ta’ referenza li jridu jmexxu u jaġixxu fil-parametri tat-termini ta’ referenza.”
Il-Ministru Jonathan Attard
Sadanittant Attard, filwaqt li tenna l-fiduċja tiegħu fil-maġistrat inkwirenti li hi responsabbli minn din l-inkjesta, hu sostna li d-dewmien biex din tingħalaq, mhuwiex aċċettabbli.