“Dan il-moratorium qed isir biex terġa’ tinbena popolazzjoni b’saħħitha ta’ rizzi.”
Dan kien is-sentiment tal-Professur Alan Deidun fi sfond ta’ żewġ inizjattivi konġunti li ġew varati ftit tal-jiem ilu bil-għan li terġa’ tibda titkattar il-popolazzjoni tar-rizzi fil-gżejjer Maltin.
Mal-mikrofonu ta’ ONE News, il-Professur spjega li jista’ jkun hemm żewġ kawżi il-għala r-rizzi jistgħu jkunu f’riskju ta’ estinzjoni lokali.
Huwa qal li r-rizzi minn dejjem kienu jittieklu però llum il-ġurnata qed naraw iktar abbuż fejn jidħol ġbir ta’ rizzi bħal persuni li jinżlu biċ-ċilindri u bid-dgħajjes u sfortunatament jiġbru xkejjer sħaħ ta’ rizzi.
Raġuni oħra hi li mard ikkawżat minn ċertu batterja jġiegħel lir-rizzi jimxu f’partijiet oħra tal-baħar.
“Naħseb l-iktar żewġ kawżi plawżibbli huma bdew jinġabru b’rata iktar għolja ir-rizzi mill-baħar, min-nies u t-tieni raġuni naħseb billi r-rizzi huma sensittivi għal ċertu mard u dan il-mard ħafna drabi ssibu pereżempju iktar ma jiżdied it-temperatura tal-baħar kif nafu l-baħar bħala atmosfera dejjem qed jisħon, ir-rizzi qed jaħarbu s-sħana billi jfittxu baħar iktar fil-fond. Tgħidli mela r-rizzi jiċċaqalqu? Iva r-rizzi jiċċaqalqu, aħna ma narawhomx, jiċċaqalqu bilmod u kapaċi jiċċaqalqu jbidlu l-pożizzjoni biex jiċċaqalqu inqas.”
Il-Professur Alan Deidun
Ir-rizza hi ħlejqa bi rwol importanti fl-ekosistema marittima, għax tassigura l-għajxien ta’ 18-il speċi ta’ ħut differenti. Fil-fatt, mingħajr rizzi fl-ibħra tagħna, jiżdied ir-riskju li speċi aljeni u invażivi jissaħħu, b’impatt negattiv akbar fuq l-ekosistema.
Dan spjegah ċar il-professur Deidun fejn qal kemm il-bilanċ fl-ekosistema huwa importanti għaliex ma tistax tneħħi komponent u ma tistenniex li jkun hemm riperkussjonijiet.
“Ħafna mir-rizzi huma erbivori jiġifieri jieklu l-affarijiet tal-pjanti, l-algi taħt il-baħar allura fejn ħa tneħħi r-rizzi inti, l-affarijiet li jieklu huma jisplodu jiġifieri ħa jkollok ħafna algi li ħa jiżdiedu u ħa joħonqu qiegħ il-baħar.”
Il-Professur Alan Deidun
Il-professur Deidun tkellem ukoll dwar it-tipi differenti ta’ rizzi li jeżistu fl-ibħra Maltin.
“Aħna naħsbu li tip wieħed li tittiekel imam mhux dik biss. Dik li tittiekel hija fil-vjola, tkanġi għall-kannella skont l-età tagħha wkoll. Hemm dawk li najdulhom il-patrijiet, is-suwed li Malta ma jittieklux. Imbagħad għandek speċi oħrajn li huma protetti bil-liġi bħal dik li jgħidula long spine sea urchin dik li għandha rizzi xewk twil ħafna u għandek ir-rizzi bar-rizzun li huma aktar tal-fond u tar-ramel.”
Il-Professur Alan Deidun
Għaż-żewġ inizjattivi li nieda l-Gvern fejn id-Dipartiment tal-Akwakultura għaddej bi proġett ta’ restocking tar-rizzi, fejn qed jiġu kkultivati u mrobbija fil-laboratorji u għall-projbizzjoni ta’ ġbir ta’ rizzi għal perjodu ta’ sentejn, il-professur Deidun kellu rispons pożittiv ħafna.
“Kull moratorium huwa importanti biex terġa’ tibni l-popolazzjoni u anka l-inizjattivi li tittieħed fil-laboratorju fid-Dipartiment tal-Akwakultura hija pożittiva għax tista’ tgħin biex terġa’ tirripopola. It-tir huwa li mhux dan il-moratorium jibqa’ hemm għal dejjem imma biex jerġgħu jinbnew popolazzjoni b’saħħithom biżejjed biex għada pitgħada tista’ tidħol fis-seħħ esplojtazzjoni iktar sostennibli u jista’ jerġa titgawda dan l-ikel fl-istess ħin ma ssirx ħsara lill-ekosistema tal-baħar.
Il-Professur Alan Deidun