European Mobility Week hija inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea, li se ssir bejn is-16 u t-22 ta’ Settembru.
Bħala parti mill-inizjattivi, tħabbru żewġ kompetizzjonijiet għall-Kunsilli Lokali, organizazzjonijiet non-governattivi u konsorzji.
Kompetizzjoni għall-Miżuri Permanenti ta’ Mobbiltà Sostenibbli
Il-kampanja tagħti opportunità lill-applikanti jesploraw ir-rwol tat-toroq rispettivi tagħhom u possibbilment jimplimentaw soluzzjonijiet prattiċi biex jindirizzaw sfidi urbani, bħall-konġestjoni tat-traffiku, it-tniġġis tal-arja u n-nuqqas ta’ aċċessibbiltà fit-toroq.
Din il-kampanja tippermetti wkoll lill-Kunsilli Lokali jiffukaw fuq l-implimentazzjoni ta’ żoni pedonali fiċ-ċentru tal-irħula tagħhom, kif ukoll l-introduzzjoni u l-promozzjoni ta’ karreġġjati għar-roti fl-ibliet u l-irħula rispettivi.
B’baġit ta’ €110,000, permezz ta’ din il-kompetizzjoni l-applikant rebbieħ se jirċievi €50,000, filwaqt li l-ewwel u t-tieni runners-up se jingħataw €30,000 kull wieħed.
Kompetizzjoni għall-Avvenimenti u Attivitajiet Żgħar
Din il-kompetizzjoni se tipprovdi għotjiet ibbażati fuq l-iskala tal-avvenimenti organizzati. L-applikanti li jintgħażlu jistgħu jirċievu għotja ta’ €1,500 għall-organizzazzjoni ta’ Car Free Day, €2,000 għall-koordinazzjoni ta’ ġimgħa ta’ attivitajiet matul il-EUROPEANMOBILITYWEEK, u €2,500 għall-ippjanar kemm ta’ Car Free Day kif ukoll ġimgħa ta’ attivitajiet.
Dawn l-inizjattivi tħabbru mill-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali flimkien ma’ Transport Malta.
“Permezz ta’ dawn l-iskemi, nistgħu niżviluppaw infrastruttura tanġibbli għan-nies f’żoni urbani fejn in-nies jaħdmu u jgħixu. Inħares ’il quddiem biex naraw il-proposti li ser jiġu sottomessi u eventwalment l-implimentazzjoni tal-proġetti. Dawn l-iskemi jimxu id f’id mal-pjan tagħna biex nagħtu lura lin-nies żoni li ma jkollomx użu eċċessiv ta’ vetturi.”
Ministru Aaron Farrugia
Biex tikkumplimenta dawn l-inizjattivi, Transport Malta se tkun qed torganizza National Bicycle Ride sabiex tqajjem aktar għarfien dwar l-importanza taċ-ċikliżmu bħala mezz alternattiv ta’ trasport kif ukoll il-benefiċċji tiegħu għas-saħħa.
Barra minn hekk, Transport Malta se torganizza Kors taċ-Ċikliżmu immirat lejn inġiniera tat-toroq, periti u partijiet interessati oħra, li jiffoka fuq prattiċi tajba f’disinji kondiviżi tat-toroq. Il-kors jinvolvi applikazzjoni attwali fit-toroq Maltin.
Ritratt: Render ta’ Triq l-Indipendenza, il-Furjana, bħala parti mill-proġett ta’ mobilità attiva mħabbra minn Infrastructure Malta aktar kmieni din is-sena.