L-impressjoni li l-ġustizzja f’dan il-pajjiż tiddependi minn xi inkjesta pubblika hija waħda żbaljata bbażata fuq it-tixrid inġust ta’ miżinformazzjoni.
Dan intqal mill-Avukat Daniel Attard, f’intervista ma’ ONE News, l-għada li l-Parlament ivvota fuq il-mozzjoni għal ġustizzja fil-każ ta’ Jean Paul Sofia.
“Il-ġustizzja f’pajjiżna tiddependi biss mill-Qrati tagħna u allura biex issir ġustizzja u ma tħares lejn wiċċ ħadd, hu min hu u hu fejn hu, hemm biss strument legali wieħed, u dik hi l-Inkjesta Maġisterjali.”
Avukat Daniel Attard
Dr Attard sostna f’dan il-każ, kif jiġri fi kwalunkwe inċident ieħor, l-inkjesta maġisterjali bdiet u għadha għaddejja.
“Issa jien ningħaqad mal-appell tal-Prim Ministru li qed jgħid biex l-inkjesta tintemm malajr kemm jista’ jkun, biex, iva, in-nies jitressqu l-Qorti, kull min hu involut jitressaq il-Qorti u jiffaċċja l-proċeduri kriminali. Għax imbagħad mhux ta’ b’xejn ir-rabja tan-nies li tgħidlek isma’ kif għadu ma tressaq ħadd. Però rridu nifhmu li biex xi ħadd jitressaq il-Qorti hemm biss strument wieħed, li hi l-Inkjesta Maġisterjali u l-ebda inkjesta pubblika ma tista’ twassal għall-prosekuzzjoni.”
Avukat Daniel Attard
Dr Attard spjega ukoll xinhuma l-funzjonijiet ta’ inkjesta pubblika.
“Inkjesta pubblika qiegħda hemmhekk biss biex tidentifika u tindirizza, permezz ta’ rakkomandazzjonijiet, xi nuqqasijiet amministrattivi fl-awtoritajiet jew fl-istituzzjonijiet tagħna.”
Avukat Daniel Attard
F’dan il-kuntest, Dr Attard osserva li inkjesti pubbliċi m’humiex in-norma iżda l-eċċezzjoni.
“Fil-fatt saru biss żewġ inkjesti pubbliċi fl-istorja u qed nirreferi, allura, għal dik wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u inkjesta pubblika, ngħid jien fażżula, li kien ħatar Eddie Fenech Adami fuq insistenza ta’ Alfred Sant, meta kien hemm l-abbużi fis-sistema tal-biljetti tal-karozzi tal-linja.”
Avukat Daniel Attard
Dr Attard spjega li anke fil-każ tal-omiċidju ta’ Daphne Caruana Galizia toħroġ id-differenza netta bejn il-funzjoni u l-ghan t’inkjesta maġisterjali u dawk ta’ inkjesta pubblika.
“Għax kien biss wara l-Inkjesta Maġisterjali li tressqu l-mandanti, l-eżekuturi u dawk li ġabu l-bomba f’pajjiżna għall-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u mhux wara l-inkjesta pubblika.”
Avukat Daniel Attard
Dr Attard ikkonkluda li għalhekk, l-inkjesta maġisterjali għandha l-għodda kollha meħtieġa biex tara li ssir ġustizzja sħiħa u effettiva u biex kull min b’xi mod jew ieħor kellu farka responsabbiltà għall-mewt ta’ Jean Paul Sofia jħallas t’għemilu.