Il-Qorti ordnat li mara li spiċċat f’siġġu tar-roti tingħata €190,000 f’danni. F’inċident mhux tas-soltu, żagħżugħa li qabżet minn fuq is-swar tal-Belt Valletta niżlet fuqha u darbitha b’mod permanenti.
Il-mara kienet bilqiegħda fuq il-bankina barra l-villeġjatura tal-ġenituri tagħha, taħt il-swar ta’ San Barbara, meta seħħ l-inċident f’Settembru 2008. Il-vittma kellha erbgħin sena dak iż-żmien.
Il-Qorti semgħet li kienu għall-ħabta tal-10 ta’ filgħaxija meta tfajla ta’ 17-il sena daħlet f’battibek mal-għarus tagħha eżatt fuq is-swar.
B’rabja, tefgħet il-mowbajl minn fuq il-ħitan tas-swar. Imbagħad telgħet fuq il-ħajt ta’ metru wisa’, qagħdet fit-tarf u wara li tbandlet fix-xifer, intelqet għal isfel.
Fil-Qorti, xhud irrakkontat li kollox ġara fi ftit sekondi.
Iż-żagħżugħa rkuprat wara l-inċident, iżda l-mara qattgħet jiem twal l-isptar. Minkejja li għaddiet minn fiżjoterapija, qatt ma rkuprat il-mobbiltà tagħha.
Qabel l-inċident, il-mara sofriet minn cerebral palsy u epilessija. Madankollu, dan ma’ żammhiex milli tgħix ħajja indipendenti. Wara l-inċident, il-mara ġiet tiddependi totalment fuq ħaddieħor.
Il-mara fittxet liż-żagħżugħa u lill-ġenituri tagħha għad-danni. Fil-ħin tal-inċident, iż-żagħżugħa kienet ħareġ mill-Isptar Monte Karmeli disat’ijiem biss qabel, wara żewġ attentati preċedenti ta’ suwiċidju.
Il-Qorti żammet lill-ġenituri responsabbli talli ħallewha toħroġ mingħajr superviżjoni, u b’hekk naqsu mid-dmir tagħhom li jissorveljaw lill-minuri taħt il-kura u l-kustodja tagħhom.
Il-Kummissarju tal-Artijiet u d-Direttur tad-Dipartiment tal-Proprjetà tal-Gvern, li wkoll ġew imħarrka peress li l-inċident seħħ fuq proprjetà tal-gvern, ġew iddikjarati mhux responsabbli.