Żewġt irġiel, wieħed Libjan ta’ 30 sena u ieħor Ungeriż ta’ 27 sena baqgħu jinżammu arrestati wara li tressqu l-Qorti akkużati fost l-oħrajn b’attentat ta’ qtil fuq żewġt irġiel.
L-akkużati wieġbu mhux ħatja, filwaqt li ma kien hemm l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest.
Fil-Qorti, il-Prosekuzzjoni spjegat kif nhar it-Tlieta li għadda, anke kif kien żvela dan l-istazzjoni, kien hemm żewġt irġiel feruti fi Triq is-Sikka Marsaskala.
Hawnhekk insabtu żewġt Taljani, wieħed ta’ 52 sena u l-ieħor ta’ 37 sena, midrubin gravi permezz ta’ arma li taqta’ u bil-ponta.
L-Ispettur qal kif meta mitkellem mill-Pulizija, wieħed mill-vittmi qal lill-Pulizija li wieħed mill-allegat aggressuri kienu Adnan Said u li jgħidulu Gaddafi u li miegħu kien hemm ieħor.
Il-Prosekuzzjoni spjegat kif il-Libjan huwa magħruf sew mal-Pulizija u li kien għadu kemm ingħata l-ħelsien mill-arrest ħamest ijiem qabel.
L-akkużati ġew arrestati f’inqas minn 24 siegħa wara.
Il-Libjan ġie arrestat fil-klinika tal-Mosta hekk kif mar biex jieħu l-kura. Fil-fatt fl-awla huwa deher viżibbilment midrub, bil-faxex ma’ idu u siequ.
L-ieħor ġie arrestat f’San Ġwann f’appartament mhux tiegħu għax ipprova jaħarab minn ġo xaft.
Huma ġew akkużati wkoll li serqu flus kontanti, kellhom arma mingħajr liċenzja tal-Kummissarju tal-Pulizija u li żammew kontra r-rieda persuni oħra.
L-Għarbi separatament ġie akkużat li kiser il-kundizzjonijiet imposti fuqu f’każ ieħor minn Maġistrat ieħor u li sar riċediv.
L-ieħor, ġie akkużat separatament li ma obdiex l-ordnijiet tal-Pulizija, li rrifjuta li jagħti dettalji lill-Pulizija u li rrenda ruħu reċediv.
Kif jixhdu l-filmati, ONE News kien preżenti għall-operazzjoni li saret mit-taqsima tar-Rapid Intervention Unit f’appartament fi Triq San Mikiel f’Ġwann.
Dakhinar tal-inċident, ONE News seta’ jinnota minn fuq il-post tar-reat kien ħafna demm mal-art, anke fuq barra tar-residenza fejn seħħ il-każ.
Skont sorsi tagħna, aktarx li l-każ hu marbut mad-droga u attività kriminali.
Id-Difiżia tmexxiet mill-Avukati Ishmael Psaila, Charles Mercieca u Franco Debono. Għall-vittmi deher l-Avukat Jacob Magri.