Mara ta’ dixxendenza Maltija instabet bla ħajja, f’dak li qed jiġi investigat bħala każ ta’ vjolenza domestika.
Christine Formosa Rakic ta’ 50 sena nstabet mejta fid-dar tal-eks sieħeb tagħha fil-punent ta’ Sydney, nhar it-Tlieta għall-ħabta tat-8.30pm. Kien membru tal-familja li ċempel lill-pulizija mħasseb dwar il-benesseri tagħha.
Rakic mietet qabel waslu l-pulizija. Supretendent mill-Pulizija ta’ NSW qal li hija sofriet “ġrieħi sinifikanti”.
L-eks raġel tagħha Dusan Rakic, li għandu wkoll 50 sena, instab midrub ukoll, tant li jinsab f’koma u f’kundizzjoni kritika iżda stabbli. Huwa jinsab taħt għajnejn il-Pulizija fl-Isptar ta’ Westmead.
Rakic kellu xi interazzjonijiet mal-pulizija fil-passat iżda ma kinux reati serji. Il-vittma irrikorriet għand il-Pulizija aktar kmieni din is-sena, f’inċident separat li wassal biex Dusan Rakic ġie mixli b’aggressjoni. Huwa kien ingħata l-ħelsien mill-arrest.
Ritratt: 9News