David Borg tal-atletika kiseb suċċess ieħor għat-tim Għawdxi waqt l-International Island Games li qed jsiru f’Guernsey meta rebaħ il-medalja tal-fidda fil-5,000m f’tellieqa mill-isbaħ quddiem attendenza numeruza fil-Footes Lane Stadium. Din kienet it-tielet medalja għal-kontinġent Għawdxi f’dan il-logħob.
Fit-tellieqa tal-5,000m David Borg kellu bidu b’saħtu biex fl-ewwel parti żamm l-ewwel post minn 17-il atleta. Mal-ħin l-atleta minn Ynys Mon Osian Perrin żied ir-ritmu biex mar fuq quddiem u kompla jidomina sat-tmiem. David Borg żamm it-tieni post u fetaħ vantaġġ komdu bizzejjed biex fid-dritta finali ireżista għall-isprint tal-atleta minn Jersey Samuel Maher, u b’hekk Borg spiċċa fit-tieni post f’ħin ta’ 14-il minuta 59.41 sekonda. Wara bdew ċelebrazjonijiet mal-kotinġent Għawdxi, u mal-familjari tal-atleta, li kienu prezenti fl-iStadium li baqgħu sakemm aktar tard saret il-premjazzjoni uffiċjali tal-medalji. F’din it-tellieqa ħa sehem ukoll l-atleta Għawdxi Matthew Xuereb li spiċċa fl-14-il post.
Fi tmiem it-tellieqa David Borg, ommu Mary u l-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri tkellmu mal-media fejn esprimew sodisfazzjon għal dan ir-riżultat li nkiseb għal atletika u għal Għawdex.
Matul il-ġurnata l-għawiema Keira Attard kienet impenjata fil-Heats tal-400m, filwaqt li David Dimech u Giuseppe Borg kellhom it-tellieqa tat-800m. It-tlett għawwiema tejbu l-ħin personali iżda ma’ kisbux kwaifikazzjoni, filwaqt li fit-table-tennis, Mario Saliba tilef iż-żewġ logħbiet tal-grupp biex kien eliminat fl-ewwel fażi.
F’dan il-logħob Guersey komplew jiksbu aktar medaji u issa tellgħu t-total għal 99 medalja, bi 33 minnhom tad-deheb.