L-Awtorità tal-Ippjanar approvat il-pjanijiet riveduti għall-kostruzzjoni ta’ akkomodazzjoni ġdida ta’ ħames stilel fil-Fort Cambridge Barracks f’Tigne.
L-għoli tal-bini tnaqqas minn 134.4 metru għal 100 metru, biex jitnaqqas l-impatt viżwali. Barra minn hekk, l-iżvilupp tal-bini ġie ddisinjat mill-ġdid biex jinkorpora l-istruttura militari tas-seklu dsatax.
Il-proposta aġġornata tippreserva l-faċċati esterni u toħloq mill-ġdid il-bitħa interna, inklużi l-loġoġ.
Id-disinn tad-daħla prinċipali tal-lukanda ġie rivedut, flimkien mal-aċċess għall-vetturi. Infatti, id-daħla prinċipali u l-aċċess tal-vetturi għal-lukanda ġew mibdula u ser ikunu pprovduti minn triq inqas traffikuża.
Dawn it-tibdiliet saru wara ħidma estensiva, b’mod speċjali fuq il-preservazzjoni tal-bini eżistenti tas-seklu dsatax. Il-bini huwa l-eks kwartieri tal-Uffiċjali tas-Servizzi Militari Brittaniċi, li oriġinarjament kien iservi bħala kwartieri residenzjali għas-suldati stazzjonati fil-Forti.